“Irridu Nistinkaw Biex Tassew Nagħtu Valur Aqwa Lill-Persuna” – Bernard Grech
“Irridu rġiel u nisa li jkunu kuntenti fuq il-post tax-xogħol, li jaghtu l-massimu tagħhom lil min iħaddimhom, u fl-istess ħin jassiguraw li jgawdu l-familja, jrabbu lil uliedhom u jkunu hemm għalihom. Propju għalhekk, se nniedu sensiela ta’ miżuri bla preċedent f’dan il-qasam u l-aktar waħda għal qalbi hija li nestendu l-kunċett ta’ “Paternity Leave” biex dan jista’ jiġi estiż anke għall-irġiel – b’porzjon minnu jkun jista’ jittieħed fl-istess żmien mal-omm fl-ewwel ġimgħat tat-twelid tat-tarbija”.
Dan qalu l-Kap tal-PN Bernard Grech f’attività dalgħodu fil-Għargħur bit-tema “Kun il-Bidla”.
Bernard Grech tkellem dwar il-kura kontra l-kanċer fejn qal li fejn jidħlu n-nies “mhemmx prezz jew flus”. Insista li għall-PN huwa il-valur tal-persuna l-aktar li hu importanti.
“Irridu nistinkaw biex tassew nagħtu valur aqwa lill-persuna”, sostna Bernard Grech.
Hawn, hu irrefera għall-ftehim bilaterali li pajjiżna għandu mar-Renju Unit. “Dan it-tip ta’ ftehim nistgħu nagħmluh ma pajjiżi oħra, biex niggarantixxu l-aqwa kura għall-persuni li qed jaffaċjaw il-marda tal-kanċer”.
Tkellem ukoll dwar l-ambjent, fejn fakkar kif il-bidla ma ssirx biss mill-politiċi imma minn dawk kollha li jridu jagħmlu xi ħaġa tanġibbli għal pajjiżna.
Insista li l-progress ma jistax isir a-skapitu taż-żgħir. U għalhekk, l-importanza tal-bilanċ u s-sostenibbiltà.
Fl-intervista, saħaq ukoll kif Gvern ġdid Nazzjonalista jistinka biex isaħħaħ l-MCESD u fih ikun jinkludi aktar professjonisti u setturi differenti tas-soċjetà b’ konsultazzjoni vera.