Is-Sena 2020 Bl-Ogħla Livelli Ta’ Solitudni – Aktar Minn 8,000 Telefonata Fuq Il-Helpline 1772

 Is-Sena 2020 Bl-Ogħla Livelli Ta’ Solitudni – Aktar Minn 8,000 Telefonata Fuq Il-Helpline 1772

Matul konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu ġie mniedi r-Rapport Annwali tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS). Ir-rapport juri kif il-baġit tal-FSWS żdied minn €19-il miljun fis-sena 2019 għal €24 miljun fl-2020 dan ifiser żieda ta’ aktar minn €3.5 miljun. Din l-ispiża tinkludi investiment infrastrutturali ġdid, it-tmexxija ta servizzi eżistenti, kampanji ta’ reklamar, u l-ħlasijiet tal-pagi tal-professjonisti fost oħrajn.

Is-servizzi mogħtija mill-FSWS jinkludu li jassistu persuni bi problemi ta’ vizzji, ta’ vjolenza domestika, u t-tmexxija ta’ xelters adattati għal dawk li verament jiġu fil-bżonn. L-FSWS kellha żieda fil-baġit allokat lilha, żieda fl-impjegati u żieda fin-nies li użaw is-servizzi tagħha fl-2020 minkejja li din kienet sena ddominata mill-pandemija tal-COVID-19.

Minbarra dan l-investiment dirett, hemm numru oħra ta’ NGOs li jibbenefikaw minn finanzjament tal-gvern, li jlaħħaq it-€18-il miljun fis-sena.

Matul it-tnedija ta’ dan ir-rapport il-Ministru Michael Falzon faħħar ir-reżiljenza tas-soċjetà Maltija li baqgħet b’saħħitha kemm fuq livell ta’ saħħa, soċjali u anke finanzjarju. “Irridu nirrikonoxxu li l-pandemija se tħalli l-effetti tagħha fix-xhur u s-snin li ġejjin. Jidher ċar li l-problemi ta’ saħħa mentali komplew dejjem jikbru aktar, kawża tas-solitudni u n-nuqqas ta’ kommunikazzjoni”, sostna l-ministru.

Qal ukoll li l-ministeru mhux biss għamel tajjeb b’mod finanzjarju għal dawk li kellhom l-impjieg tagħhom affettwat ħażin, iżda mar oltre minn hekk. Permezz tal-FSWS, ġew mgħejuna nies li kienu qed jaffaċċjaw solitudni, li rat l-ogħla livelli tagħha matul is-sena 2020. Bis-saħħa tal-helpline 1772 li għadu jopera sal-lum, irċivejna ‘l fuq minn 8,000 telefonata waqt din is-sena.

Qal ukoll li l-Unjoni Ewropea tat ċertifikat importanti din il-ġimgħa, meta poġġiet lil Malta fit-tielet post fejn in-nies l-aktar li jħarsu b’mod ottimist, speċifikament lejn il-qasam soċjali.

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet ingħataw dettalji dwar investimenti ġodda, bħal binjiet ġodda, bħal f’Santa Venera li se tkun qed tilqa’ fiha s-servizzi kollha marbuta mad-Direttorat tal-Kura Alternattiva tat-Tfal. Binja moderna, u strutturuta b’tali mod li tilqa’ għall-bżonnijiet tat-tfal kif ukoll għall-familjari tagħhom. Sa issa dawn il-familji kellhom jiġru minn post għal ieħor, imma permezz ta’ dan ix-xogħol kollox se jkun miġbur taħt saqaf wieħed. L-FSWS qed tkun ukoll katalista fejn tidħol it-tmexxija tal-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti qal li bl-istess mod, ir-riżorsi umani żdiedu minn 845 fl-2019 għal 917 fl-2020, żieda ta’ 72 impjegat. Ta’ min isemmi li 78% ta’ dawn l-impjegati huma professjonisti li jagħmlu xogħol dirett mal-klijenti tal-Fondazzjoni.

Dawn l-utenti tas-servizz żdiedu minn 18,158 fl-2019 għal 19,082 fl-2020, żieda ta’ 924 klijent.

Barra dawn, tnedew servizzi ġodda bħal linja 1772 u nfetaħ iċ-Ċentru għar-Riżorsi tal-Familja fir-Rabat, Għawdex fost l-oħrajn.

Ritratti: DOI

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com