Ix-xogħol Ta’ Restawr F’Wieħed Mill-kurituri Tal-Palazz tal-Gran Mastru Miexu Ġmielu
Fi stqarrija mill-Uffiċju tal-President, intqal li waslu fi stadju avvanzat ix-xogħlijiet ta’ restawr f’wieħed mill-kurituri fil-Piano Nobile tal-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta. Bit-tneħħija tal-ewwel parti mill-armar f’dan il-kuritur, issa beda jinkixef ix-xogħol estensiv ta’ restawr fis-suffett u fil-ħitan.
Dan tħabbar waqt żjara fil-Palazz mill-President ta’ Malta George Vella, li matulha ngħata rendikont tax-xogħlijiet li twettqu sa issa.
F’kelmtejn waqt iż-żjara, il-President George Vella esprima sodisfazzjon għax-xogħol li qed jitwettaq u rringrazzja lill-ħaddiema tal-Heritage Malta għad-dedikazzjoni u għar-reqqa li qed jaħdmu biha biex jippreservaw dan il-wirt kulturali.
Minn informazzjoni mogħtija minn Heritage Malta, ir-restawr tal-kurituri huwa parti mill-ewwel fażi ta’ dan il-proġett ambizzjuż li meta jkun komplut se joffri lill-viżitatur esperjenza tal-palazz differenti għal kollox minn dik li kellu qabel. Fit-totalità tiegħu, il-proġett hu stmat li se jiswa madwar €28 miljun. L-ewwel fażi tal-proġett qed tiġi kofinanzjata mill-Unjoni Ewropea bħala parti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għas-somma ta’ €10 miljun filwaqt li l-fażi suċċessiva, li se tiswa madwar €18-il miljun, se tkun iffinanzjata mill-Gvern Malti. L-ewwel fażi mistennija titlesta sa tmiem l-2022 filwaqt li l-proġett kollu għandu jkun komplut sas-sena 2025.
Iż-żjara saret ukoll fil-preżenza tal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera; is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi; iċ-Chairman ta’ Heritage Malta Anthony Scicluna, id-Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Mario Cutajar u l-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit.