“Iż-Żgħażagħ Jilħqu Jaħdmu…Jilħqu Jixbgħu…Iż-Żgħażagħ Għandhom Jibqgħu L-Iskola” – Il-Ministru Clyde Caruana
L-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħiliet tal-ħaddiema kienu s-suġġett tat-tieni laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika ta’ qabel il-Baġit 2022, ‘X’pajjiż tixtieq tħalli lil uliedek?’
Ma naqsux ukoll mistoqsijiet, suġġerimenti u kritika kostruttiva dwar temi differenti fosthom fuq il-pensjonijiet, l-affordabilità tal-housing u d-diffikultajiet li ċerti negozji sabu fl-aħħar snin mal-banek lokali.
Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana, f’Ħal Balzan spjega li din is-sena l-pensjonijiet ser jerġgħu jiżdiedu, kif l-aċċessibbiltà tal-housing se tkun prijorità u kif se jsir investiment iktar b’saħħtu fit-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema. Hu qal li huwa ġust li kif il-gvern għen lin-negozji waqt il-pandemija, hekk ukoll irid jara li ma jkunx hemm pajjiż ta’ min iħallas it-taxxi u ta’ min ma jħallasx.
Fost il-kummenti li qal lil dawk preżenti, il-Ministru Caruana semma li, “Ser inkunu qed inħabbru żidiet u ħafna iktar għajnuniet lill-pensjonanti. Minkejja l-isfidi kollha, se naraw li l-pensjonijiet din is-sena jerġgħu jiżdiedu b’iktar”.
Il-Ministru Clyde Caruana kompla jgħid li lkoll nafu li l-prezz tal-proprjetà żdied. Huwa żied jgħid li “dan huwa parti mill-effett li t-tkabbir ekonomiku jġib miegħu. It-tkabbir ekonomiku narawh bħala dik il-mantra li kull gvern ikun irid. Bħal kull ħaġa oħra fil-ħajja, ikollha t-tajjeb u jkollha l-effetti negattivi tagħha wkoll u sforz it-tkabbir ekonomiku kbir li kellna f’dawn l-aħħar snin, il-prezzijiet tal-proprjetà żdiedu. Ċerti saffi tal-popolazzjoni tagħna ma jlaħħqux ma’ dawk il-prezzijiet. Il-baġit tal-housing tas-sena li ġejja, u mhux qed nitkellem fuq housing soċjali, se jidħol fil-kwistjoni tal-affordabbiltà”.
Il-Ministru Caruana saħaq li “l-allokazzjoni fil-qasam tal-housing se nkunu qed inżiduha u nżiduha b’mod b’saħħtu biex dawn l-isfidi jibdew jiġu indirizzati. Matul l-aħħar snin, dan il-gvern diġà daħħal fis-seħħ diversi miżuri sabiex jindirizzaw diversi sfidi li hemm f’dan il-qasam. Il-housing, bħall-pensjonijiet, se jkun wieħed mill-prijoritajiet ta’ fuq nett f’dan il-baġit”.
Rigward l-edukazzjoni l-Ministru Caruana qal li “fl-edukazzjoni nonfqu ħafna, iżda mhix kwistjoni ta’ flus. Hija kwistjoni ta’ prijoritajiet u ta’ valuri. F’dan il-pajjiż lill-edukazzjoni rridu nagħtuha iktar importanza. Illum jekk ma tafx tuża l-elettronika u l-kompjuters għandek sfida għaliex id-dinja tax-xogħol qed tinbidel. Nistgħu nsabbtu kemm irridu saqajna, id-dinja se tibqa’ tinbidel u jekk ma nkunux aħna li ninbidlu, aħna se nitilfu. Jekk irridu dan il-pajjiż għada pitgħada jkun aħjar irridu nsiru aqwa. Wara 13-il sena skola l-istudenti għandhom jiksbu l-O-Levels meħtieġa biex ikomplu l-istudji tagħhom. Ma nistgħux nikkuntentaw ruħna biss li jkollna rata baxxa ta’ early school leavers. Iż-żgħażagħ iridu jkomplu jistudjaw. Il-parir tiegħi, u forsi l-politiċi jiddejqu jgħiduhom dawn l-affarijiet, imma ż-żgħażagħ jilħqu jaħdmu. Jilħqu jixbgħu. Iż-żgħażagħ għandhom jibqgħu l-iskola”.
Ritratti: DOI