Jingħata Bidu Għal Malta Pride 2021

 Jingħata Bidu Għal Malta Pride 2021

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, Ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Jose Herrera nedew ‘Refraction’, wirja tal-arti li tinkludi xogħlijiet minn diversi artisti LGBTIQ+ internazzjonali u lokali li qed timmarka l-ftuħ ta’ Malta Pride 2021. Il-wirja qed issir ġewwa Spazju Kreattiv u se tibqa’ għaddejja għal 6 ġimgħat mill-10 ta’ Settembru, 2021.

Din il-wirja hija biss l-ewwel avveniment minn programm ta’ attivitajiet varjati organizzat mill-Allied Rainbow Communities (ARC) bħala parti mill-Malta Pride Week 2021 bit-tema #YouAreIncluded.

Fid-diskors tiegħu għall-okkażjoni, il-Ministru għall-Ugwaljanza, Riċerka u Innovazzjoni Owen Bonnici qal: “Malta għamlet passi kbar ‘il quddiem fil-qasam tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+ mill-2013 sal-lum u dawn id-drittijiet li ksibna flimkien f’Malta huma kkunsidrati bħala mudell għal pajjiżi Ewropej oħra u dan għandu jagħmilna tassew kburin.”

“Xorta waħda, għad fadal ħafna aktar xogħol xi jsir,” kompla l-Ministru Bonnici, “U din hija r-raġuni għaliex “Pride” għadu rilevanti u għandu jibqa’ jiġi ċċelebrat. Ma naffordjawx li nagħlqu għajnejna, u nieħdu dawn id-drittijiet for granted, għax għad hawn wisq nies madwar id-dinja li għadhom oppressi sempliċement għax huma dak li huma. F’dan il-qasam, Malta tista’ tassew tkun ta’ eżempju u fl-istess waqt irridu nkomplu nsawru kommunitajiet f’pajjiżna li jilqgħu d-diversita’ u l-ugwaljanza.”

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Jose Herrera qal li, “Spazju Kreattiv ġie stabbilit sabiex jemfasizza l-liberta’ tal-artisti u l-kreattivi tagħna. Dan il-forum jgħożż u japprezza d-diversità bis-sħiħ. Għalhekk huwa xieraq li l-Malta Pride Week tibda propju minn Spazju Kreattiv.”

Il-President tal-ARC Clayton Mercieca qal li, “It-tema ta’ din is-sena ‘You Are Included’ taċċenna għall-importanza li avolja mxejna ħafna ’l quddiem f’dan il-qasam għad hemm ħafna xogħol x’isir fejn tidħol edukazzjoni, saħħa, attitudnijiet u fl-identita’ tal-ġeneru qalb dawk li huma minoranza f’minoranza.” Is-Sur Mercieca kompla jispjega li l-wirja Refraction hija aktarx l-ewwel wirja tax-xorta tagħha f’Malta fuq din l-iskala.

Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai tenna li huwa kuntent li Allied Rainbow Communities għazlu li jniedu l-programm ta’ Malta Pride Week propju fi Spazju Kreattiv u li fost l-attivitajiet għal din iċ-ċelebrazzjoni hemm l-aspett kreattiv. “Wieħed mill-għanjiet tal-Fondazzjoni huwa li tkun katalista tad-diversità fejn tkompli tiżviluppa oqsma fis-settur kulturali li huma ħafna drabi injorati u tagħti vuċi lil artisti permezz tal-arti tagħhom. Għaldaqstant huwa importanti li nkomplu noħolqu opportunitajiet u nassistu artisti ta’ għada fis-settur kreattiv Malti,” tenna s-Sur Cefai.

L-esebizzjoni REFRACTION li tifforma parti mill-programm holistiku ta’ Spazju Kreattiv 2021-22 kif ukoll ta’ Malta Pride Week fetħet il-bibien tagħha waqt l-istess tnedija u tibqa’ miftuħa sal-24 t’ Ottubru u twassal il-messaġġ ta’ ċelebrazzjoni ta’ dak li huwa ġeneralment emarġinat, minsi, jew miftiehem ħazin; kif ukoll hija rikonoxximent li l-ġlieda kontinwa għad-drittijiet LGBTIQ+ hija waħda globali.

Minħabba l-pandemija, il-Pride March dis-sena ma setax isir billi ġeneralment jattira eluf lejn it-toroq tal-Kapitali.  Madankollu l-organizzaturi qed jippreżentaw programm ta’ avvenimenti biex jiċċelebraw l-inklużjoni u d-diversità, iqajmu għarfien dwar kwistjonijiet pertinenti għall-komunità LGBTIQ+ u jipprovdu opportunitajiet biex il-komunita’ tkun tista’ terġa’ tiltaqa’ u tingħaqad b’rispett sħiħ għar-regolamenti tal-Awtorita’ tas-Saħħa.

L-attivitajiet għal Pride ta’ din is-sena se jibdew il-Ġimgħa 10 ta’ Settembru u jibqgħu sejrin sal-Ħadd 19 ta’ Settembru, u se jvarjaw minn wirjiet sa diskussjonijiet, diskorsi, u anke’ kunċert fil-Ġonna tal-Argotti il-Furjana. Diversi stabbilimenti differenti se joffru opportunitajiet ta’ soċjalizzazzjoni għall-komunita’ dejjem skont ir-regolamenti maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com