Jinħatru 29 Spettur Tal-Pulizija
F’ċerimonja li saret dalgħodu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana, 29 uffiċjal ġew ippreżentati biċ-ċertifikati tal-ħatra fil-grad ta’ Spettur tal-Pulizija. Erbgħa mill-uffiċjali ħadu l-ġurament bħala membri ġodda tal-Korp tal-Pulizija. B’kollox inħatru 25 raġel u 4 nisa.
Iċ-ċerimonja kienet ippreseduta mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Dr Byron Camilleri u mill-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà.
Il-Ministru Byron Camilleri, waqt li awgura lill-Ispetturi ġodda għal dan il-kapitlu ġdid fil-karriera tagħhom, qal li dan huwa żmien eċitanti għall-Korp tal-Pulizija hekk kif qed isiru bidliet biex ikun Korp aktar modern u effiċjenti biżżejjed biex jopera fis-soċjetà tal-lum.
“Kull wieħed u waħda minnkom, qegħdin hawn illum għax tħobbu lill-pajjiż. Intom tistgħu tkunu s-simbolu ta’ Malta bħala pajjiż li josserva l-ordni pubblika, li jemmen fid-dixxiplina u li fuq kollox jaħdem biex b’mod attiv jipprevjeni l-kriminalità”, qal il-Ministru Camilleri.
Il-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà, f’kelmtejn tal-okkażjoni qal li din il-ġimgħa ħarġet l-aħbar li l-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija kompliet tiżdied u skont l-aħħar stħarriġ tal-Eurobarometer, illum 60% tal-popolazzjoni tafda lill-Korp, żieda ta’ 11% minn sena ilu.
Is-Sur Gafa qal li bil-ħatra tal-ispetturi ġodda, il-Korp tal-Pulizija se jkompli jsaħħaħ diversi taqsimiet u jitwaqqfu taqsimiet ġodda. Qal ukoll li għall-ewwel darba żewġ fizzjali ġew inkarigati mit-tmexxija tal-Pulizija għall-Komunità.
Il-Kummissarju talab lill-ispetturi l-ġodda biex jenfasizzaw fuq id-dixxiplina u l-kontabbilità u jkunu protagonisti fil-proċess ta’ trasformazzjoni li għaddej minnu l-Korp tal-Pulizija.
Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta