Jitħabbru L-Protokolli Aġġornati Għall-Ftuħ Tas-Sena Skolastika 2021-2022
“Il-punt tat-tluq biex ġew aġġornati l-protokolli għall-ftuħ tas-sena skolastika 2021-2022 kien dejjem li l-aħjar edukazzjoni li tingħata lil uliedna hija mill-klassi u għalhekk dawn il-protokolli aġġornati jirriflettu din il-mira”, qalet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana fil-ftuħ ta’ konferenza tal-aħbarijiet.
Il-Ministru Caruana qalet li l-pass lura għan-normalità hu possibbli għaliex l-edukaturi u dawk kollha li għandhom konnessjoni ma’ uliedna fl-iskejjel fil-maġġoranza ħadu t-tilqim. Għandna wkoll 85% tal-istudenti ta’ 16-il sena ’l fuq li ħadu t-tilqim u 73% tal-istudenti bejn it-12 u l-15-il sena li wkoll ħadu t-tilqim.
Għalhekk b’din ir-rata ta’ tilqim, kemm l-edukaturi u l-istudenti se jattendu b’mod fiżiku fl-iskejjel. Se jkun hemm biss numru żgħir ta’ individwi li huma klassifikati bħala persuni vulnerabbli, li għalihom se jkunu adottati shielding protocols li se jkunu koordinati mill-awtoritajiet tas-saħħa. Il-miżuri li kienu fis-seħħ qabel il-pandemija u applikabbli għall-persuni meqjusa vulnerabbli, se jibqgħu fis-seħħ.
Uħud mill-protokolli aġġornati huma:
- Għal dawk il-klassijiet (sena 8 u inqas), fejn l-età tal-istudenti ma tippermettix li jieħdu l-vaċċin, se tinżamm id-distanza soċjali ta’ metru u nofs bejn id-desks tal-istudenti.
- Riżultat tal-effett protettiv tal-vaċċin, id-distanza fiżika bejn id-desks tal-istudenti fil-klassi għas-sena 9 u ’l fuq tista’ tinżel għal metru – hawnhekk l-iskejjel konċernati jistgħu jħallu distanza ta’ metru u nofs fejn din hija fattibbli.
- Il-protokolli ewlenin aġġornati issa jippermettu aktar attivitajiet għall-istudenti biex nersqu aktar lejn dak li jeħtieġu t-tfal: tagħlim li jgħin ukoll fl-iżvilupp soċjali ta’ uliedna. Għalhekk se jkunu permessi lezzjonijiet ta’ prattika fil-laboratorji; jistgħu jsiru lezzjonijiet ta’ prattika magħrufa bħala fieldwork; jistgħu jsiru attivitajiet tal-edukazzjoni fiżika; jistgħu jsiru avvenimenti speċjali u soċjali – pereżempju: ċelebrazzjoni ta’ għeluq snin student; f’dawn kollha jrid ikun rispettat il-prinċipju tal-gruppi – dik li hija magħrufa bħala l-bubble tal-istudenti u wkoll il-protokolli marbuta mal-prevenzjoni tat-tixrid tal-COVID.
- Fil-każ ta’ apparat waqt l-edukazzjoni fiżika kif ukoll waqt lezzjonijiet ta’ prattika fil-laboratorji, l-apparat li jintuża jrid ikun sanitizzat b’mod regolari.
- Jistgħu jiftħu wkoll it-tuck shops imma li jistgħu joffru biss affarijiet li jkunu pakkeġġati minn qabel.
- Fil-bidu tas-sena skolastika, il-ġenituri jew il-kustodji tal-istudenti mhux se jitħallew jidħlu għal attivitajiet jew għal avvenimenti fl-iskejjel. Din tista’ tinbidel matul is-sena skolastika u tiddependi fuq ir-rilaxx ta’ aktar miżuri preventivi għat-tixrid tal-pandemija kif maħruġa perjodikament mill-awtoritajiet tas-saħħa.
- Fil-każ ta’ kindergarten assistants u LSEs, dawn qed jingħataw il-parir li jilbsu kemm maskra kif ukoll visor.
- School assemblies okkażjonali u li huma essenzjali jistgħu jsiru sakemm tiġi miżmuma d-distanza soċjali u l-prinċipju tal-bubble.
- F’dawk il-każi fejn ikun hemm bżonn ta’ kwarantina, il-protokolli kollha li jkunu fis-seħħ għall-pubbliku inġenerali kif maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa se jkunu japplikaw ukoll għas-settur edukattiv. Dan japplika wkoll għall-protokolli applikabbli għall-adozzjoni ta’ perjodu mqassar ta’ kwarantina ovvjament għal min huwa mlaqqam.
- Dwar iċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni, bħalissa qed isiru taħdidiet bejn l-istituzzjonijiet li jipprovdu edukazzjoni terzjarja u l-awtoritajiet tas-saħħa li għandhom iwasslu għal qbil kif dawn iċ-ċerimonji jistgħu possibbilment isiru.
- Il-ministeru qed jagħmel ukoll aktar studji biex jara liema miżuri jistgħu jiddaħħlu ħalli tittaffa n-nuqqas ta’ esperjenza fiżika ta’ tagħlim li kellhom l-istudenti.
Il-Ministru Justyne Caruana qalet li l-joint team bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Ministeru għas-Saħħa se jibqa’ għaddej bil-ħidma tiegħu anke din is-sena biex jaħdem mal-ischool COVID-19 liaison officers bil-għan li jkunu identifikati kemm jista’ jkun malajr każi li jista’ jkun hemm ta’ COVID fl-iskejjel biex tittieħed l-azzjoni immedjata ta’ contact tracing u azzjoni mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Il-Ministru Caruana rringrazzjat lil dawk kollha involuti fil-ħidma u fid-diskussjonijiet li saru biex illum tħabbru l-protokolli, fosthom liis-Segretarju Permanenti Frank Fabri li akkumpanjaha waqt il-laqghat kollha u li issa flimkien mat-team maniġerjali tal-ministeru se jkun responsabbli mit-twettiq tal-protokolli.
Il-Ministru rringrazzjat mill-qalb lill-edukaturi u lil dawk kollha involuti fl-edukazzjoni ta’ uliedna, fosthom lill-ġenituri u lill-istudenti nfushom.
Ritratt: DOI