Jitnieda L-Programm Edukattiv Tal-Esplora Għas-Sena Skolastika 2021-2022
Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici u l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana nedew il-programm edukattiv tal-Esplora għas-sena skolastika 2021-2022 waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, l-Esplora.
Il-programm edukattiv għall-iskejjel se jinkludi diversi opportunitajiet imħallta ta’ tagħlim, kemm fuq il-post fl-Esplora kif ukoll onlajn. Fost affarijiet oħra, il-programm jinkludi żjarat edukattivi għall-iskejjel, adattati għal studenti mill-kindergarten sal-livell tal-iskola sekondarja. Waqt il-konferenza ntwerew ukoll xi dimostrazzjonijiet mill-programm edukattiv.
Waqt l-istess avveniment ġie ffirmat ukoll Memorandum ta’ Ftehim bejn il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija u l-Ministeru għall-Edukazzjoni. B’dan il-ftehim, l-MCST u l-Ministeru għall-Edukazzjoni se jingħaqdu biex jilħqu aktar studenti u jqarrbuhom lejn is-suġġetti STEM billi jiffaċilitaw iż-żjarat skolastiċi fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, l-Esplora, u b’hekk jesponuhom għax-xjenzi b’mod pjaċevoli u prattiku.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici spjega li hu ta’ sodisfazzjon kbir li jara li minn issa ’l quddiem, l-istudenti tal-iskejjel statali se jkunu qed jinteraġixxu max-xjenzi b’mod li żgur se jqanqal l-interess u l-kurżità tagħhom.
Il-Ministru Bonnici qal li, “Is-suġġetti STEM jinsabu fiċ-ċentru tar-riċerka u l-innovazzjoni, u dawn huma rikonoxxuti llum bħala l-pilastri tal-futur ekonomiku tagħna. Meta aħna nesponu lit-tfal tagħna għax-xjenzi b’dawn il-modi interattivi u nagħmluhom parti integrali mill-vjaġġ edukattiv tagħhom, inkunu qegħdin litteralment inħejjuhom għall-futur”.
“Jeħtieġ li nkomplu naħdmu biex inħeġġu aktar liż-żgħażagħ tagħna jagħżlu karrieri fis-suġġetti STEM u dan hu pass għaqli fid-direzzjoni t-tajba”, ikkonkluda l-Ministru Owen Bonnici.
Il-Ministru Justyne Caruana aċċennat għall-importanza li l-kurrikulu mgħallem fl-iskejjel imur lil hinn mill-bankijiet tal-iskola. “Illum qed nitkellmu dwar suġġett importanti ħafna, ix-xjenza. Dan il-ftehim se jara li dan is-suġġett mhux biss jiġi mgħallem fl-iskejjel, mhux biss ikun hemm is-sessjonijiet fil-laboratorji fl-iskejjel tagħna, imma l-istudenti se jkunu wkoll hands-on jaraw u jesperimentaw fil-prattika dak li qed jitgħallmu fl-iskejjel”.
Il-Ministru Caruana qalet li qed tingħata u trid tkompli tingħata importanza lit-tagħlim tax-xjenza u dan il-ftehim jinkwadra tajjeb mal-ħidma li għaddejja biex jitkattar l-interess fit-tagħlim tax-xjenza, imma qed jara wkoll sinerġija bejn entitajiet u ministeri għal għan aħħari: il-benefiċċju tal-istudenti tagħna.
Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Dr Jeffrey Pullicino Orlando faħħar lill-għalliema li dejjem urew sapport sħiħ u fiduċja fl-Esplora u viċe versa. Hu rringrazzjahom tas-sapport tagħhom tul l-aħħar ħames snin, speċjalment għas-sapport li wrew fi żmien il-pandemija li rrikorrew bi ħġarhom għall-attivitajiet li ċ-ċentru organizza għall-iskejjel online.
Huwa qal li, “Qed nagħmlu l-isforzi tagħna kollha sabiex nuru li s-suġġetti STEM jistgħu jkunu relevanti u divertenti u b’hekk inqanqlu l-interess u l-parteċipazzjoni fost l-istudenti tagħna. Dan qed nagħmluh bis-saħħa tat-tim tal-komunikaturi tax-xjenza fl-Esplora id f’id mal-edukaturi ta’ pajjiżna”.
Faħħar ukoll lill-kontributuri li l-Esplora taħdem magħhom tul is-sena kollha sabiex ikollna programm hekk abbundanti, inkluż għall-Ministeru għall-Edukazzjoni. Żied jirringrazzja lill-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni għas-sapport sħiħ li ċ-ċentru Esplora sab matul din l-aħħar sena.