Każ Ta’ Student Li Minħabba Kwarantina Kapaċi Jitlef Sena Skolastika Fl-MCAST

 Każ Ta’ Student Li Minħabba Kwarantina Kapaċi Jitlef Sena Skolastika Fl-MCAST

“Ejja nkunu raġonevoli u nifhmu l-impatt ta’ din id-deċiżjoni,” hekk beda jikteb fuq il-mezzi soċjali tiegħu Justin Schembri kandidat tal-PN dwar sitwazzjoni fejn student kapaċi jitlef sena skolastika jekk ma titteħidx azzjoni.

Huwa kompla jikteb fejn għamel appell lill-Ministru Chris Fearne biex bħalma rreveda l-miżuri relatati mal-kwarantina, issa jirrevedi l-miżuri marbuta mal-kwarantina għal dawk negattivi u li jkun se jkollhom l-eżamijiet tal-MATSEC.

“Ma jistax ikun li qed narmu ħajjet iż-żgħażagħ tagħna għaliex jinqabdu fi kwarantina (u jkunu negattivi) waqt l-eżamijiet u ma nagħtuhom EBDA għażla oħra. L-istess għandna nagħtu opportunità oħra lil min sfortunatament ikun pożittiv waqt xi eżami,” saħaq jgħid Justin Schembri fil-messaġġ tiegħu dalgħodu. Dan wara li ġie f’idu messaġġ ta’ ġenitur li huwa mħasseb li t-tifel tiegħu mhux ħa jkun jista’ jagħmel l-eżami, minħabba li sa dak in-nhar stess f’nofs il-lejla ħa jkun għadu kwarantina.

“Ma tistgħux tibqgħu ċċaħħdu lil dawn iż-żgħażagħ milli jagħmlu l-eżamijiet għax intom iddeċidejtu li ma tatuhomx ċans jagħmlu l-eżamijiet li minnhom tiddependi ħajjithom. Possibbli m’intomx tirrealizzaw bl-impatt psikoloġiku li dan kollu qed joħloq fuq iż-żgħażagħ u l-ġenituri tagħhom?” Hekk kompla jsostni Justin minħabba li jekk jitlef dan l-eżami tal-matematika mhux ħa jkun jista’ jidħol l-MCAST għas-sena skolastika li ġejja.

Justin Schembri qal li qed jingħaqad ma’ dan il-ġenitur inkwetat, imweġġa’ u ddisprat għaliex ħadd mhu jisimgħu, u ħafna oħrajn bħalu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com