“Kull Ħaġa Li Wgħedna Għamilnieha. Qatt Ma Bżajna Mill-Isfidi Li Tista’ Ġġib Magħha” – Il-PM

 “Kull Ħaġa Li Wgħedna Għamilnieha. Qatt Ma Bżajna Mill-Isfidi Li Tista’ Ġġib Magħha” – Il-PM

“Jekk f’Lulju rreġistrajna rekord ta’ qgħad baxx f’Awwissu bnejna fuqu, żammejnih u tejjibnih. U allura għalija din hi l-iktar ħaġa importanti li mhux inwiegħdu kollox lil kulħadd, mhux ngħidu li se nagħmlu kollox mil-lum għal għada imma li n-nies jafu li aħna naħdmu bi pjan fejn dak li nwiegħdu nwettquh.”

Hekk sostna l-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela f’kollegament telefoniku fuq ONE Radio filwaqt li żied kif l-inizjattiva li permezz tagħha qed jinħarġu round ieħor tat-62+ Savings Bond tal-Gvern hi waħda minn kulanna li permezz tagħhom jiġu mgħejuna l-pensjonanti u jtejbu d-dħul tagħhom.

“Irrid ngħid li dawn huma skemi ta’ gvern b’politika ekonomika progressiva li ma kellniex bħalhom fi żmien amministrazzjoni nazzjonalista. Bħalma ma kinux joħolmu ż-żidiet fil-pensjonijiet li aħna qed inżiduhom sena wara oħra.”

Il-Prim Ministru spjega wkoll kif bħalissa għaddejjin bir-rifużjoni tat-taxxa għal kull min jaħdem. “Ma ġietx pandemija u għidna kien hemm il-wage supplement u allura ma nistgħux nagħtu din ir-rifużjoni.”

Robert Abela qal ukoll kif f’Awwissu kellna l-ogħla dħul tal-Gvern fl-istorja għal dan ix-xahar.

“Hemmhekk rajna d-differenza bejn min hu ffokat fuq il-ġejjieni, u min hu iktar interessat biex jgħajjat u jitgħajjar.”

‘Differenza bejn partit fil-gvern li hu miftuħ għall-kritika tant li stieden nies minn kull settur tas-soċjetà biex jiġu jgħidu tagħhom, u partit fl-oppożizzjoni li minkejja li baqa’ mhux fdat qed jibqa’ jsabbat saqajh u jibgħat il-messaġġ li kull ma jagħmel hu biss hu tajjeb u kull ma jagħmel ħaddieħor hu ħażin.

Jien mhux se ninżel f’dik it-triq u lanqas il-Partit Laburista.

M’għandiex għalfejn. Għax aħna għandna l-inizjattivi, il-proġetti li jagħmlu l-ġid. Aħna għandna x’nuru lill-poplu Malti u Għawdxi għall-fiduċja li jagħtina. Fuq kollox dehret id-differenza bejn partit magħqud u partit mifrud.”

Hekk temm jgħid il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com