“Kunu Kburin Li Intom Marsin” – Is-Sindku Josef Azzopardi
“Ma flaħtx nasal sad-dar qabel nuri l-ferh tiegħi bħala s-Sindku tal-Belt Kulturali 2022. Isem il-Marsa se jkun imnaqqax fl-istorja bħala l-ewwel lokal li rebaħ dan it-titlu. Jien kburi li Marsi u dan it-titlu niddedikah lilkom.”
Hekk kiteb is-Sindku tal-Marsa Josef Azzopardi fuq il-midja soċjali tiegħu wara li lbieraħ tħabbar, li l-Marsa ntagħżlet biex tkun l-ewwel Belt kulturali f’pajjiżna għas-sena li ġejja; 2022.
Fil-fatt, ilbieraħ, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera ħabbar li l-Marsa ntgħażlet bħala l-Lokalità Kulturali 2022. Din hija wegħda oħra elettorali li qed titwettaq fejn waħda mill-miżuri kienet sabiex ikun hemm programm kulturali kull sena, minn lokalità li tkun iddikjarata bħala l-Belt jew Raħal Kulturali tas-Sena u b’hekk inkomplu nsaħħu l-wirt kulturali ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Herrera spjega li wara li saret l-evalwazzjoni ta’ kull applikazzjoni sottomessa, ġiet magħżula l-Marsa fejn il-kunsill ser jiġi allokat fond sa massimu ta’ €200,000 biex jiġi implimentat il-programm kulturali propost mifrux matul l-2022. Sostna li dan il-programm għandu jservi bħala għodda biex jippromwovi l-wirt kulturali tal-ibliet u tal-irħula tagħna u sabiex jinħolqu xenarji kulturali innovattivi u b’saħħithom għall-ġenerazzjonijiet futuri. Dan iwassal għal titjib fil-kwalità tal-ħajja u l-benessere tar-residenti kif ukoll għat-tkabbir ekonomiku.