L-Ambjent Fiċ-Ċentru Tad-Diskussjoni Bejn Il-Gvern U ‘Stakeholders’ Fil-Qasam Ambjentali

 L-Ambjent Fiċ-Ċentru Tad-Diskussjoni Bejn Il-Gvern U ‘Stakeholders’ Fil-Qasam Ambjentali

Matul il-jum tat-Tlieta, aktar għaqdiet u assoċjazzjonijiet iltaqgħu mal-Prim Ministru Robert Abela fil-Berġa ta’ Kastilja għal aktar diskussjonijiet hekk kif qed jitfassal il-Budget 2022.

Id-diskussjoni ffukat fuq l-ambjent u t-tibdil fil-klima hekk kif il-Prim Ministru laqa’ lill-għaqdiet ambjentali Nature Trust, Din l-Art Ħelwa u Ramblers’ Association of Malta.

Dr Abela saħaq li l-Budget li se jiġi ppreżentat f’inqas minn xahar ieħor se jkun wieħed li jagħraf l-importanza tal-ambjent għal-lum u għall-futur ta’ pajjiżna. Qal li kif pajjiżna ffaċċja pandemija u għaraf jidentifika l-opportunitajiet minnha, hekk ukoll se jkun qed jagħmel mill-fenomenu globali tat-tibdil fil-klima.

Enfasizza li t-tkabbir ekonomiku u l-ambjent huma l-faċċata tal-istess munita li jeħtieġu jimxu id f’id biex tiġi assigurata l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.

Min-naħa tiegħu, il-President ta’ Nature Trust Vince Attard tkellem dwar il-ħtieġa ta’ żvilupp sostenibbli li jassigura bilanċ bejn spażji miftuħa f’ambjent san u l-iżvilupp. Qal li l-pandemija urietna li l-familji Maltin huma għatxana għal aktar spazji miftuħa fejn jistgħu jqattgħu l-ħin ta’ rikreazzjoni tagħhom.

Anke l-President tal-għaqda Din l-Art Ħelwa Alex Torpiano tkellem dwar żvilupp sostenibbli u kif jeħtieġ kuxjenza akbar dwar it-tibdil fil-klima li qed tħalli impatt fuq diversi aspetti fosthom anke fuq l-eko-sistema ta’ pajjiżna.

Ingram Bondin mir-Ramblers’ Association of Malta tkellem dwar il-ħarsien tal-kampanja hekk kif aktar familji qed iqattgħu l-ħin tagħhom fi spazji miftuħa.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministri Clyde Caruana, Miriam Dalli, u Aaron Farrugia.

Kull min jixtieq jaqsam l-aspirazzjonijiet tiegħu għall-Budget 2022 u jkun parti mid-diskussjoni jista’ jagħmel dan billi jżur finanzi.gov.mt/22.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com