L-Att Li Jirriforma L-Liġi tal-Edukazzjoni Jidħol Fis-Seħħ Fl-1 Ta’ Ottubru
L-Att tal-2019 dwar l-Edukazzjoni li kien diskuss u għadda mill-Parlament wara konsultazzjoni wiesgħa, se jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru li ġej.
“Din hija liġi importanti ħafna li permezz tagħha qed ngħaddu messaġġ b’saħħtu. Edukazzjoni ta’ kwalità, standards għoljin, ekwità, u drittijiet fejn l-aħjar interess tal-istudent għandu jirbaħ fuq kollox u fuq kull konsiderazzjoni. Fuq kollox, qed nintroduċu kunċetti ġodda fejn qed naraw li l-professjoni tal-edukaturi qed tiġi rispettata aktar, qed nintroduċu wkoll mekkaniżmi kif il-ġenituri jkunu aktar involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-edukazzjoni ta’ uliedhom, u wkoll irridu nassiguraw li jkollna edukazzjoni għal kulħadd u skont il-kurrikulu li jkun jgħodd għal kull tifel u kull tifla, għax aħna rridu li kull tifel u tifla f’pajjiżna mhux biss ikollhom aċċess għall-edukazzjoni, imma jirnexxu fis-settur edukattiv,” qalet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Din il-liġi tibni fuq dik preċedenti u ddaħħal ukoll kunċetti ġodda, fosthom dik tal-edukazzjoni fid-dar (homeschooling). Din hija definita bħala l-edukazzjoni progressiva ta’ minuri provduta jew organizzata mill-ġenitur tiegħu li biha edukatur id-dar jipprovdi tagħlim lill-minuri, minflok edukazzjoni statali jew mhux tal-istat. Edukatur id-dar għandu jkollu warrant ta’ għalliem u għandu jingħata liċenzja biex ikun jista’ jagħmel dan.
Il-liġi tenfasizza wkoll l-ekwità fl-edukazzjoni u għalhekk il-liġi tgħid b’mod ċar li l-istat għandu l-obbligu li mhux jagħti edukazzjoni ugwali lil kulħadd, imma ekwa. Dan ifisser li f’ċertu każijiet il-Ministru għall-Edukazzjoni jista’ joħloq policies u programmi li jkunu jilħqu l-ħtieġa ta’ ċerti studenti u li forsi jkun hemm bżonn ukoll jkunu differenti mill-Kurrikulu Minimu Nazzjonali, bl-għan li jkollna edukazzjoni li tilħaq lil kulħadd.
Il-liġi tiddefinixxi wkoll b’mod aktar ċar l-aċċess għall-edukazzjoni li twessgħa biex filwaqt li l-liġi sal-lum titlob li jkun hemm aċċess għal dawk li huma ċittadini Maltin, din twessgħet għal kull min ikun qed jirrisjedi hawn Malta. Taħseb ukoll għal edukazzjoni qabel dik obbligatorja. Għalkemm l-età tal-edukazzjoni obbligatorja ma nbidlitx, din il-liġi taħseb biex ikun hawn edukazzjoni mgħotija qabel (childcare u kinder) u tkun regolata wkoll.
Il-liġi tħares ukoll mhux biss lejn id-dmirijiet imma wkoll lejn l-obbligi tal-ġenituri. Fost oħrajn, żdied id-dmir li l-ġenituri jaderixxu mal-policies tad-Diviżjoni u tal-iskejjel.
Żdiedu wkoll l-ammonti tal-multi ta’ reati u pieni fejn jidħlu impjieg ta’ minuri, assenteiżmu, skola mingħajr liċenzja u/jew mhux konformi mal-kundizzjonijiet minimi nazzjonali u kull kundizzjoni imposta mid-Diviżjoni u edukazzjoni d-dar mingħajr liċenzja.
Ritrattt: DOI