L-Awtorità Tal-Mediċini Ta’ Malta Tilqa’ Delegazzjoni Mill-Olanda
L-Awtorità tal-Mediċina ta’ Malta lagħqet delegazzjoni mill-awtorità kompetenti għall-mediċini fl-Olanda – il-Medicines Evaluation Board, li żaret Malta biex jigu diskussi kollaborazzjonijiet attwali u futuri bejn iż-żewġ awtoritajiet.
L-Awtorità tal-Mediċini ta’ Malta tikkollabora ma’ entitajiet internazzjonali sabiex twettaq l-istrateġija tagħha għar-regolazzjoni tal-mediċini b’mod xjentifiku. Il-Medicines Evaluation Board huwa ewlieni fl-iskambju tal-aħjar prattiċi xjentifiċi u l-gwida tal-politiċi biex jiġu stabbiliti strateġiji komuni fi ħdan in-netwerk Ewropew. Ftehim bejn l-Awtorità Maltija tal-mediċini u l-Medicines Evaluation Board fl-Olanda jiddettalja kooperazzjoni fit-tul fil-qasam tal-politika farmaċewtika u x-xjenzi regolatorji tal-mediċini. L-għan ta’ din il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ awtoritajiet huwa li tappoġġja lill-Awtorità Maltija tal-mediċini, biex iżżid il-kapaċità u l-kompetenza xjentifika tagħha fil-qasam tax-xjenza regolatorja tal-mediċini. L-għan ta’ din il-kollaborazzjoni huwa li l-Awtorità tal-Mediċini ta’ Malta żżid il-kapaċità u l-kompetenza xjentifika tagħha fil-qasam tax-xjenza regolatorja tal-mediċini, biex tikkontribwixxi aktar fix-xogħol tan-netwerk regolatorju tal-mediċini tal-UE u tipparteċipa bis-sħiħ fl-attivitajiet tal-Kummissjoni, tal-grupp tal-Kapijiet tal-Aġenziji tal-Mediċini (HMA) u l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini (EMA).
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo spjega li din l-alleanza hija ta’ benefiċċju reċiproku u tgħin lill-Awtorità tal-Mediċini ta’ Malta tikkonsolida u żżid il-kompetenza tal-assessuri tagħha. “Hemm ftehim kontinwu bejn iż-żewġ awtoritajiet biex itejbu din il-kollaborazzjoni ta’ suċċess kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll diversità f’ħidmietha. L-Awtorità tal-Mediċini ta’ Malta tkompli ssaħħaħ it-tim tagħha ta’ assessuri kemm interni kif ukoll esterni biex jimmaniġġjaw proċeduri ta’ sfida, bħal valutazzjonijiet ta’ terapiji avvanzati”, qal il-ministru.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista qal li fl-aħħar erba’ snin l-Awtorità Maltija għall-Mediċini bbenefikat minn madwar €700,000 fis-sena mill-Olanda biex tkopri l-ispiża ta’ rekluti ġodda matul il-perjodu ta’ taħriġ tagħhom. “Huwa previst li l-kooperazzjoni mal-Olanda tiġi estiża għal oqsma emerġenti oħra li qed jiżviluppaw fl-Awtorità tal-Mediċini ta’ Malta, bħal fl-industrija tal-kannabis, iċ-ċertifikazzjoni tal-EU-GMP ta’ pajjiżi terzi, instrumenti u appart mediku, ir-radjofarmaċewtika, żvilupp ta’ Laboratorju Uffiċjali għall-Kontroll tal-Mediċini, kollaborazzjoni f’mediċini veterinarji kif ukoll vaċċini.”.qal Debattista. Qal li l-gvern qed iħares ’il quddiem għal diskussjonijiet produttivi biex ikompli jingħata aktar kontribut fil-qasam farmaċewtiku min-naħa ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Dan biex jiġi żgurat li l-mediċini mqassma man-netwerk Ewropew ikunu ta’ kwalità, siguri u effikaċi.
Il-Professur Anthony Serracino Inglott irrimarka li l-kooperazzjoni bejn l-Awtorità tal-Mediċina Maltija u l-awtoritajiet kompetenti Ewropej hija ta’ għajnuna kbira sabiex l-Awtorità Maltija żżomm il-pożizzjoni qawwija tagħha fil-qasam regolatorju tal-medicini fl-Ewropa. “Dan ix-xogħol huwa ta’ sinjifikat kbir peress li huwa msejjes fuq it-taħriġ u l-edukazzjoni wara li l-professjonisti fi ħdan l-awtorità Maltija, partikolarment spiżjara u dawk li studjaw ix-xjenza farmaċewtika, jispeċjalizzaw fil-qasam tal-valutazzjoni tal-mediċini billi jaħdmu spalla ma’ spalla ma’ professjonisti mill-Olanda u b’dan il-mod tkompli żżid il-prestiġju tal-farmaċija f’Malta u jkunu ta’ eżempju biex iħeġġu żgħażagħ oħra biex jibdew l-istudji tagħhom fil-qasam farmaċewtiku,” temm jgħid il-Professur Serracino Inglott.
Dan l-arranġament jikkumplimenta inizjattivi oħra xjentifiċi u ta’ taħriġ fl-Awtorità tal-Mediċini bħal kontribuzzjonijiet mill-Akkademja għall-Eċċellenza u l-Innovazzjoni fix-Xjenzi Regolatorji Ċċentrati fuq il-Pazjent, imwaqqfa riċentament fid-Direttorat ta’ Inizjattivi Xjentifiċi Avvanzati u l-programm ta’ fellowship li ppermetta lill-ispiżjara jiksbu Dottorat fil-Farmaċija, gradwati oħra biex jkomplu l-istudju fil-livell ta’ PhD kif ukoll numru ta’ avvanzi edukattivi oħra.