L-għaqdiet Volontarji Għawdxin Jixirqilhom Trattament Aħjar Mill-Ministeru Għal Għawdex
Fi stqarrija mill-Partit Nazzjonalista ntqal li l-Oppożizzjoni tinnota li bil-Memorandum Of Understanding (MOU) li l-Ministeru għal Għawdex iffirma lbieraħ, dan qed ifarfar minn idejh responsabbiltá li jgħin lill-għaqdiet volontarji Għawdxin u li jipprovdilhom l-appoġġ u l-mezzi meħtieġa biex ikunu jistgħu jaħdmu. Wara li abbanduna ċ-ċentru tal-NGOs ġewwa x-Xewkija, b’dan l-MOU, l-Ministeru għal Għawdex issa prattikament qed jiddikjara li mhux kapaċi jmexxieh u li għandu bżonn lil ħaddieħor biex jagħmillu xogħlu.
Tenniet li ċ-ċentru tal-NGOs kien inizjattiva li Gvern Nazzjonalista kien ħa fil-bidu tas-snin elfejn, biex għaqdiet volontarji Għawdxin li m’għandhomx sede tagħhom ikollhom faċilitajiet adekwati fejn jiltaqgħu u biex l-għaqdiet kollha jsibu wkoll is-sostenn li jeħtieġu. Gvern Nazzjonalista kien ukoll xpruna l-ħolqien t’assoċċazzjoni tal-NGOs Għawdxin biex il-volontarjat Għawdxi jkun magħqud u jkollu vuċi aktar b’saħħitha, dakinhar li pajjiżna kien fuq l-għatba li jissieħeb fl-Unjoni Ewropea.
“Għal raġunijiet li jaf hu biss, malli ġie elett fl-2013, Gvern Laburista abbanduna dawn l-inizjattivi u prattikament ħalla l-għaqdiet Għawdxin jaqdfu waħedhom għal dawn is-snin kollha. Mhux hekk biss imma uffiċċju li nfetaħ is-sena l-oħra ġewwa San Lawrenz biex suppost jgħin lill-għaqdiet Għawdxin, jidher li aktar kien magħluq milli miftuħ u issa b’dan l-MOU, ħadd ma jaf eżattament x’se jiġri minnu.”
Tkompli tgħid kif fid-dawl ta’ dan l-MOU, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tħeġġeġ lill-Gvern Laburista biex ma jkomplix ineżża lill-Ministeru għal Għawdex mir-responsabiltajiet tiegħu bħal ma ilu jagħmel issa għal dawn l-aħħar snin b’eżempji ċari jkunu l-oqsma tas-saħħa u l-edukazzjoni. Fil-fehma tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, l-pass li l-Ministeru għal Għawdex jitlaq minn idejh iċ-ċentru tal-NGOs fix-Xewkija u miegħu prattikament is-settur tal-volontarjat f’Għawdex, hu wieħed fid-direzzjoni l-ħażina għax dan il-Ministeru twaqqaf biex jirrapreżenta lill-Għawdxin u bħala tali għandu jkun dejjem hu li jmexxi l-affarijiet tal-Għawdxin.
Din l-istqarrija hija ffirmata minn Kevin Cutajar – Kelliem għall-Fondi Ewropej u l-Għaqdiet Volontarji kif ukoll minn Chris Said – Kelliem għal Għawdex