“L-Għoli Tal-Ħajja Tibqa’ Problema Ewlenija Li Trid Tiġi Ndirizzata” – Il-PN
“Il-Gvern irid jirrikonoxxi li teżisti problema tal-għoli tal-ħajja biex ikun jista’ jibda jindirizzaha. Filwaqt li l-Gvern qed jibqa’ jinjora din il-problema, stħarriġ tal-MISCO ippublikat minn Newsbook li juri li 86% tal-Maltin jgħidu li l-ħajja għoliet minn tliet snin ilu ‘l hawn. Meta saritilhom mistoqsija dwar x’inhi l-problema ewlenija li jiffaċċjaw personalment, 26%, u ċioe Malti minn kull erbgħa, isemmu l-għoli tal-ħajja. Barra min dan 59% tal-Maltin iħossu li mhumiex komdi daqskemm jixtiequ.”
Dan qaluh f’ konferenza stampa llum David Agius, Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Claudette Buttigieg, Kelliema għall-Affarijiet tal-Konsumatur u Francine Farrugia, Kunsilliera u Kandidata tal-Partit Nazzjonalista
David Agius spjega kif il-ġurnal it-Torċa ippubblika riċerka li turi li xirja bażika għall-familja għoliet 3.5 % fi ftit ġimgħat biss. Dan ifisser li l-paga ta’ min kienet isservi l-eżatt fuq xahar issa qed isservi jum anqas – jum kull xahar fejn il-familji qed iħossu l-għafsa tal-għoli tal-ħajja.
Claudette Buttiġieġ qalet li Gvern ġdid Nazzjonalista jindirizza l-għoli tal-ħajja b’miżuri konkreti, fosthom li jkun hemm investiment u titjib fid-dħul tal-ħaddiema li jkun jirrifletti l-ħiliet u x-xogħol li jwettqu kif ukoll b’monitoraġġ tal-prezzijiet, fost oħrajn.
Il-Kandidata tal-PN Francine Farrugia qalet li l-għoli tal-ħajja huwa realtà li tiltaqa’ magħha ta’ kuljum fil-home visits. Francine spjegat kif bosta familji jsemmu l-aktar l-għoli tal-mediċini b’għoli tal-prezzijiet rappurtat bejn 10 u 30% fuq ħafna prodotti, kif ukoll prodotti tal-groceries fejn bosta sidien tal-ħwienet jikkonfermaw li ħafna prodotti għollew fl-aħħar tlett ġimgħat.
Fid-dawl ta’ dan il-kelliema tal-PN tennew it-talba li saret is-sena l-oħra li titwaqqaf Poverty Watch Unit, dan biex tkun ta’ sapport dirett lil aktar minn 82,000 ruh ġo pajjiżna li jinsabu fir-riskju ta’ faqar.