“L-Opożizzjoni Tixhed L-Inkompetenza Fil-Qasam Finanzjarju” – Il-PL
“Li kieku mhux għax l-inkompetenza tal-Oppożizzjoni fil-qasam ekonomiku u finanzjarju hi waħda magħrufa sew, wieħed kien jikkonkludi li bil-konferenza tal-aħbarijiet illum riedu biss iqarqu.” Hekk bdiet l-istqarrija mill-Partit Laburista fejn intqal li skont il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista il-fatt li kien hemm 24 liċenzja ta’ servizzi finanzjarji li ġiet ċeduta b’mod volontarju fl-aħħar xhur huwa evidenza li l-kumpaniji finanzjarji m’għadhomx iridu jkunu Malta.
“Kontra l-ispin nofs kedda tal-Partit Nazzjonalista hemm ir-riżultati miksuba mill-pajjiż, fosthom l-ikbar tkabbir ekonomiku, ir-rekord fit-tnaqqis tal-qgħad u l-konferma tar-rating ta’ pajjiżna.
Biex b’hekk l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista mhi xejn għajr spin ta’ min lanqas ir-riċerka tiegħu ma jagħmel sew. It-tliet kelliema tal-lum tgħidx kemm jiftaħru bi żmien il-gvern ta’ Lawrence Gonzi u jgħidu li kien gvern tar-rekord u tar-reputazzjoni tajba. Kieku qabel marru quddiem l-MFSA għamlu r-riċerka kienu jindunaw li fl-aħħar kwart tal-Gvern ta’ Lawrence Gonzi kienu ċeduti iktar liċenzji milli semmew illum. B’hekk għal darb’oħra qed toħroġ l-inkonsistenza u n-nuqqas ta’ kredibbiltà.
Jekk meta liċenzja tkun ċeduta huwa indikazzjoni ta’ nuqqas ta’ fiduċja fi Gvern, ikun tajjeb kieku l-Oppożizzjoni tispjega xi jfissru l-liċenzji li kienu ġew ċeduti fl-ewwel kwart tal-2013 – l-aħħar xhur meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern.
B’kollox fl-aħħar xhur ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista kien hemm tnaqqis ta’ 42 kumpanija jew aġent ta’ kreditu jew assigurazzjoni, u ġew ċeduti 27 liċenzja għal servizzi finanzjarji. Wieħed jistaqsi jekk bil-kejl ta’ Peter Agius, jemminx allura li l-effett tat-tmexxija ta’ Gvern Nazzjonalista hu agħar minn dak li mar jitkellem dwaru llum.
Fir-realtà, li kumpanija ċċedi liċenzja hija xi ħaġa normali li tiġri. Li kelliem ewlieni tal-Oppożizzjoni ma jifhimx li dan il-każ huwa evidenza ta’ kemm il-PN ma jistax jiġi afdat bit-tmexxija tal-qasam finanzjarju f’pajjiżna.”
Hekk temmet tgħid l-istqarrija mill-PL.