“L-Unika Ekonomija Tal-Labour Hija L-Ekonomija Mal-Verità” – Il-PN

 “L-Unika Ekonomija Tal-Labour Hija L-Ekonomija Mal-Verità” – Il-PN

“Li l-Partit Laburista jittratta l-votant Malti bħala Ġaħan ikkonfermah il-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis bi kliemu stess. Iżda l-Prim Ministru Robert Abela mhux qed ikun wisq differenti meta jipprova jbellagħha lill-poplu Malti li l-ekonomija Maltija kibret b’aktar minn 13% fit-tieni kwart tas-sena.”

Hekk qalet stqarrija mill-Partit Nazzjonalista fejn tenniet li statistika tal-Eurostat turi kif filfatt l-ekonomija Maltija kienet l-unika waħda flimkien ma’ dik tal-Kroazja li filfatt ċkienet meta mqabbla mal-ewwel kwart tas-sena. Il-25 pajjiż l-ieħor għamlu dak li kellha tagħmel Malta skont Abela – telqu jiġru, u Malta baqgħat l-art.

“Iċ-ċifri li qed jikkwota Abela huma insult lejn inteliġenza tal-poplu Malti. Abela qed iqabbel il-prestazzjoni tal-ekonomija bejn April u Ġunju 2021 mal-istess xhur tas-sena li għaddiet – xhur li fihom tista’ tgħid l-attività ekonomika kollha, ħlief ħwienet essenzjali, kienet wiefqa. Tassew Abela jaħseb li kulħadd Ġaħan.”

L-istqarrija qalet li huwa evidenti li dan l-aġir qed iseħħ biex il-Prim Ministru jgħatti l-inkompetenza tal-Gvern li minkejja li qed iressaq lil pajjiżna lejn defiċit storiku ta’ 1.6 biljun ewro, wieħed mill-ogħla fl-UE, xorta ma kienx biżżejjed biex tal-inqas Malta ma tarax ir-ritmu ekonomiku jerġa’ jonqos fuq il-bidu tas-sena.

“L-inkompetenza ta’ Abela se jħallsu għaliha l-familji u s-sidien ta’ negozju Maltin u Għawdxin.

Partit Nazzjonalista ma jqabbilx it-tkabbir ma sena ta’ kriżi biex jidher sabiħ. L-oppożizzjoni hi komessa li toħroġ lil Malta mil-lista l-griża biex pajjiżna jirritorna fil-post li verament kull Malti jixraqlu. Din kienet iffirmata minn Mario de Marco, Kelliem għall-Finanzi.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com