Lejn Belt Kapitali Ħadra U Kontemporanja
“Wara s-suċċess tar-riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali tal-Belt Valletta u l-legat tal-Valletta 2018 permezz tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta issa jmiss il-viżjoni fit-tul tagħna għal belt aktar nadifa, aktar imħaddra u li toffri kwalità ta’ ħajja aħjar għall-komunitajiet u għal min iżurha.” Dan hu dak li ntqal mill-Valletta Cultural Agency, waqt li nedew il-viżjoni tagħhom għall-Belt Valletta.
Il-viżjoni għall-Belt Valletta sas-sena 2030 hija msejsa fuq it-titjib ambjentali. L-għan ewlieni huwa li jkun hemm belt iżjed imħaddra, b’inqas tniġġis u b’inqas karozzi.
Il-viżjoni tal-VCA għall-Belt Valletta hija possibbli li ssir. Wieħed jista’ biss iħares lejn il-Valletta Design Cluster li kien ta’ suċċess kbir f’termini ta’ kif tista’ tiġi żviluppata binja sostenibbli għall-ibliet imħaddra ta’ għada.
L-enerġija ekoloġika hija importanti għall-ambjent għaliex din tieħu post l-effetti negattivi tal-karburanti fossilli b’alternattivi li huma aktar favur l-ambjent u sostenibbli. Billi naqilbu għal enerġija nadifa u rinnovabbli, aħna nkomplu nnaqqsu l-gassijiet serra, u b’hekk inkunu wkoll qed nagħmlu l-parti tagħna fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. L-enerġija ekoloġika hija ħafna drabi nadifa u rinnovabbli. Dan ifisser li dawn ma jemettux gassijiet serra u jkunu disponibbli faċilment.
L-enerġija rinnovabbli tista’ ġġib benefiċċji kbar għall-ibliet, inkluż arja iżjed nadifa, servizzi moderni u postijiet iżjed abitabbli. Malta tista’ tinvesti iżjed fl-enerġija solari minħabba l-fatt li l-gżejjer tagħna għandhom 300 jum xemxi fis-sena. Permezz ta’ iżjed inizjattivi u inċentivi jistgħu jiżdiedu b’mod drastiku l-pannelli solari fil-belt u dan jista’ jwassal sabiex ikun hemm iżjed użu minn enerġija rinnovabbli.
Il-Valletta Design Cluster li ġie uffiċjalment inawgurat aktar kmieni din is-sena jista’ jitqies bħala l-proġett pilota dwar dak li għandu x’jaqsam maż-żieda ta’ infrastruttura ekoloġika. L-ispazju komunitarju għall-prattika kulturali u kreattiva li jinsab fil-Biċċerija l-Antika li ġie restawrat fil-Belt Valletta, għandu wkoll ġnien fuq il-bejt sabiex iżid iżjed l-ossiġnu fl-atmosfera filwaqt li jservi bħala spazju pubbliku ekoloġiku f’belt urbana ffortifikata.
Barra minn hekk, il-ġnien fuq il-bejt jgħin biex iżomm it-temperatura stabbli fil-kmamar ta’ taħt, u b’hekk l-ispazju ma jkunx dipendenti fuq it-tkessiħ u t-tisħin artifiċjali matul is-sena. It-tisqija tal-ġnien hija wkoll sostenibbli peress li s-sistema tal-irrigazzjoni hija konnessa ma’ żewġ tankijiet tal-ilma taħt l-art li jimtlew permezz ta’ sistema ġdida li tiġbor l-ilma tax-xita li ġiet installata fil-binja.
Il-Valletta Design Cluster jagħmel ukoll użu mill-enerġija solari, ġġenerata minn kanopew tal-ħġieġ installat fuq bitħa li għandu fih ċelloli fotovoltajiċi (PV).
Ispirati mis-suċċess ekoloġiku tal-Valletta Design Cluster qed inressqu serje ta’ proposti lill-Gvern u lill-Awtoritajiet.
Fil-baġit li ġej, il-Gvern għandu jagħti inċentivi u jħeġġeġ lill-komunitajiet, lill-ħwienet, lin-negozji u lill-binijiet tal-Gvern fil-Belt Valletta sabiex jeqilbu għal enerġija solari.
Sa mill-2030, permessi ġodda għal lukandi, appartamenti, ristoranti u postijiet oħra ta’ divertiment jingħataw biss lil dawk li ma jagħmlu ebda ħsara lill-ambjent.
Sal-2025, il-Belt Valletta għandu jkollha numru ta’ ġonna fuq il-bjut ta’ binijiet storiċi bħall-iSpazju Kreattiv, il-Parlament u binjiet oħra tal-Gvern bħall-Bereġ, li fihom jinsabu ħafna mill-Ministeri. Il-bejt tal-Valletta Design Cluster huwa eżempju ċar ta’ kif dan għandu jsir.
Sal-2023, il-vetturi kollha li jipprovdu servizzi fil-Belt Valletta, inkluż dawk li jiġbru l-iskart, dawk li jagħtu servizz lill-industrija tal-ospitalità fil-Belt, u oħrajn, għandhom ikunu jaħdmu kollha bl-elettriku u jkunu kollha tal-istess qies. Qies li jirrispetta t-toroq dojoq tal-Belt u l-ambjent tagħha.
Sal-2023, is-servizzi kollha fil-Belt Valletta, inklużi vetturi tal-kunsinna, għandhom ikunu provduti fi ġranet u ħinijiet speċifiċi fil-ġimgħa skont skeda maqbula mas-sidien ikkonċernati. Dan huwa sforz kbir sabiex jitnaqqas it-traffiku fiċ-ċentru tal-Belt Valletta li huwa wieħed mill-kaġuni tat-tniġġis fil-Belt li b’mod kontinwu jagħmel ħsara lill-binijiet irrestawrati.
Sal-2030, se jkunu jistgħu jidħlu biss vetturi jaħdmu bl-elettriku fil-Belt Valletta.
Sal-2023, it-trasport għan-nies li jużaw il-Park and Ride fi Blata l-Bajda għandu jkun jopera totalment bl-elettriku.
Fil-futur qarib għandhom jiġu kkunsidrati iżjed żoni u pjazez pedonali, l-aktar il-partijiet ta’ Triq San Kristoforu u Triq l-Arċisqof mill-Għassa tal-Pulizija tal-Belt attwali sal-Palazz tal-Isqof għall-Pjazza tal-Indipendenza, inkluż il-Pjazza nniffisha quddiem il-Pro-Katidral ta’ San Pawl.
L-Għassa tal-Pulizija tal-Belt Valletta għandha tiġi rilokata f’post aħjar u iżjed ċentralizzat, jiġifieri f’Misraħ il-Ħelsien li attwalment huwa wieħed mill-iżjed postijiet mitluqa fil-Belt. Il-Gvern għandu jirriġenera dan il-binji spazjuż fid-daħla tal-Belt, li huwa tal-Gvern stess u li għandu bżonn jiġi rriġenerat. Huwa f’idejn il-Gvern biex jiddeċiedi l-aħjar riżultat għal dan il-binji li ilu fi stat ta’ abbandun għal diversi snin. L-Għassa tal-Pulizija tal-Belt Valletta se tkun iżjed adattata f’dan il-post.