“Ma Jiswa Xejn Li L-Gvern Iħallas L-Ispejjeż Tal-Kawża Jekk Din Tintilef Bħal Ma Ntilfu Bosta Oħrajn Sa Issa” – Il-PN

 “Ma Jiswa Xejn Li L-Gvern Iħallas L-Ispejjeż Tal-Kawża Jekk Din Tintilef Bħal Ma Ntilfu Bosta Oħrajn Sa Issa” – Il-PN

F’reazzjoni għal dak li tħabbar mill-Gvern ftit siegħat wara l-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista ntqal li “l-Gvern Laburista ħareġ bi proposta nofsa moħmija fejn qed jipproponi li jgħin lill-bdiewa billi jħallas l-ispejjeż legali tal-kawżi ta’ żgombru.”

Il-PN qal li “hija redikola li l-Gvern dam jittituba xhur sħaħ mingħajr ma jċaqlaq difer f’għajnuna għall-bdiewa li qed jitkeċċew mill-artijiet li jaħdmu bi qbiela jirreaġixxi bi proposta bħal din f’paniku b’reazzjoni għall-proposti studjati mħabbra mill-Partit Nazzjonalista li ġew milqugħa wkoll pubblikament minn għaqdiet ta’ bdiewa stess.”

Fi stqarrija mill-PN ntqal li l-għajnuna tal-gvern li jħallas l-ispejjeż legali tal-bdiewa hija turija tan-nuqqas ta’ direzzjoni li għandu biex jaffronta sitwazzjoni delikata bħal din, fejn dak li hu meħtieġ huma miżuri organiċi u li jħarsu fit-tul biex il-bidwi u r-raħħal Malti jkun jista’ jassigura futur fit-tul għall-attivita’ tiegħu. “Ma jiswa xejn li l-gvern iħallas l-ispejjeż tal-kawża jekk din tintilef bħal ma ntilfu bosta oħrajn sa issa,” kompla jgħid il-PN.

Il-PN f’din ir-reazzjoni temm jgħid li mhux għaqli li l-Gvern jieħu pożizzjoni parzjali f’kawżi ċivili ta’ din in-natura. “Huwa ferm aktar għaqli li l-Gvern jistudja tajjeb il-proposti imħabbra mill-Partit Nazzjonalista, li jirrispettaw ukoll id-drittijiet tas-sidien, u jersaq għal diskussjoni kif dawn jistgħu jitwettqu mill-aktar fis issa jew inkella dawn jitwettqu minn Gvern ġdid Nazzjonalista.”

Ritratt: NET News

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com