Mart Keith Schembri Tingħata L-Ħelsien Mill-Arrest Wara Li Ġiet Mixlija B’Ħasil Ta’ Flus

 Mart Keith Schembri Tingħata L-Ħelsien Mill-Arrest Wara Li Ġiet Mixlija B’Ħasil Ta’ Flus

Josette Schembri Vella, mart Keith Schembri, tressqet il-Qorti llum fis-1:30pm b’arrest akkużata b’ħasil ta’ flus, hija wieġbet mhux ħatja.

Schembri Vella ta’ 45 sena li tgħix il-Mellieħa tressqet quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, għan-nom tal-kumpanija tagħha, 3Cities Design.

Hija tressqet il-Qorti wara jiem ta’ investigazzjoni mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji.

Il-prosekuzzjoni bix-xhieda tal-Ispettur Lianne Bonello qalet li l-valur ta’ ħasil ta’ flus bejn il-kumpanija Kasco u 3Cities Design huwa bejn wieħed u ieħor ta’ €1.5 miljun.

L-akkużi ta’ ħasil ta’ flus jmorru lura bejn l-2008 u l-2020.

Il-Maġistrat Stafrace Zammit laqgħet it-talba għall-iffriżar tal-assi.

Josette Schembri Vella ngħatat il-ħelsien mill-arrest mill-Maġistrat Stafrace Zammit taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li trid tiffirma l-Għassa tal-Qawra erba’ darbiet fil-ġimgħa u tkun ġewwa bejn nofsillejl u s-6:30am. Hija ma tistax issiefer u l-ħelsien ingħata fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €40,000.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet minn Dr. Antoine Agius Bonnici u Dr. Andrea Zammit mil-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, assistiti mil-Ispettur Lianne Bonello u mil-Ispettur Ian Camilleri.

Id-Difiża tmexxiet mill-Avukati Edward Gatt, Mark Vassallo, Veronique Dalli u Ishmael Psaila.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com