Matul Is-Sena 2020 Twettqu Aktar Minn 4000 Intervent Psikologu Fil-Ħabs

 Matul Is-Sena 2020 Twettqu Aktar Minn 4000 Intervent Psikologu Fil-Ħabs

“Wieħed mil-irwoli ewlenin tal-psikologi, globalment u b’mod lokali huwa li jikkontribwixxu għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja tas-soċjetà li fiha jipprattikaw din il-professjoni. Dan iġorr miegħu, ir-responsabbiltà, mhux biss lejn il-klijenti u il-familji tagħhom, iżda wkoll lejn il-pubbliku ġenerali.”

Dan ntqal fi stqarrija li ħarġet ilbieraħ il-‘Malta Chamber of Psychologists’ wara diversi artikli, fehmiet u messaġġi li deheru fuq il-midja u l-mezzi soċjali f’dawn l-aħħar jiem li jirrigwardjaw is-sitwazzjoni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Huma qali li l-psikologi għandhom id-dmir li jipprovdu opinjonijiet infurmati dwar kwistjonijiet kumplessi bħall-kriminalità u l-imġiba kriminali. Barra minn hekk, il-psikologi fil-kuntest tal-ħabs għandhom id-dmir li jissalvagwardjaw il-komunità lokali billi jiżguraw li r-riskju ta’ reċidiviżmu jitnaqqas qabel priġunier jkun meħlus mill-ħabs.

L-MCP qalu li huwa fatt magħruf sew li l-ambjent fil-ħabs huwa wieħed artifiċjali u li jħalli effetti ħżiena detrimentali fuq is-saħħa mentali tal-priġunieri li jkunu qed jiskontaw is-sentenza tagħhom. “Huwa għal din ir-raġuni, flimkien max-xewqa tas-soċjetà inġenerali li jixtiequ jaraw priġunieri riabilitati biex ma’ jerġgħux jagħmlu reati oħra, li l-psikologi bdew jiġu impjegati fil-ħabs.”

L-MCP qalet ukoll li hija tappoġġa l-isforz komuni kollu li qed isir minn psikologi Maltin li jipprattikaw il-professjoni tagħhom fuq evidenza. Fil-qasam tar-riabilitazzjoni l-psikologi huma nvoluti fl-ippjanar tal-kura ta’ kull priġunier sabiex dan jkun jista’ jirriabilita ruħu. Dan il-proċess isir wara li jkun sar assessjar minn psikologi, ħaddiema soċjali, persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u koordinaturi oħra sabiex kull individwu jkollu pjan ta’ kura. Dawn kollha jaħdmu fi ħdan l-Unit tal-Kura u r-Reintegrazzjoni tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Fl-istqarrija l-MCP qalu li wara li jiġi żviluppat dan il-pjan ta’ kura, dan jiġi diskuss mal-priġunier, li min-naħa tiegħu, huwa liberu li jew isegwi l-pjan ta’ kura jew inkella jirrifjuta s-servizz.

“Is-sena li għaddiet fil-ħabs ġew introdotti diversi programmi ġodda offruti lill-priġunieri, bħall-immaniġġjar tar-rabja, il-ħiliet konjittivi, programmi għat-tnaqqis tal-vjolenza, kif ukoll programm pilota fit-trattament ta’ aggressuri sesswali. Minbarra dawn l-interventi, il-psikologi u professjonisti oħra relatati mal-psikoloġija jwettqu wkoll għadd ta’ interventi mmirati biex jipprovdu appoġġ u jrawmu motivazzjoni fost il-priġunieri,” sostnew il-‘Malta Chamber of Psychologists’.

Ntqal li matul is-sena 2020 twettqu aktar minn 4000 intervent u valutazzjoni psikoloġika ma’ priġunieri fil-ħabs, dan biex jiġu ndirizzati ħtiġijiet kriminoġeniċi kif ukoll r-reintegrazzjoni ta’ dawn l-individwi lura fil-komunità.

L-MCP tennew li matul dawn l-aħħar snin raw żieda qawwija ta’ professjonisti li qed jiggradwaw mill-Università ta’ Malta wara li jkunu tħarrġu bħala psikologi forensiċi. Dan qed isir b’kollaborazzjoni li bdiet fl-2015 bejn l-Università ta’ Malta u l-amministrazzjoni tal-ħabs.

Il-‘Malta Chamber of Psychologists’ temmew jappellaw lill-pubbliku ġenerali kif ukoll lill-professjonisti kollegi sabiex joqogħdu attenti fl-opinjonijiet tagħhom dwar il-ħidma tal-professjonisti li jaħdmu f’istituzzjonijiet bħal-ħabs, speċjalment meta jiġu diskussi każijiet individwali marbuta b’emozzjonijiet tal-persuni involuti.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com