“Mhux Sewwa Li Din It-Traġedja Titgħabba Biss Fuq Dawn Iż-Żewġ Ħaddiema…” – Profs. Andrew U Peppi Azzopardi
Fi stqarrija b’reazzjoni għal dak li ħareġ il-lejla dwar il-każ ta’ mewt ta’ tfajla fil-Ħabs, Profs. Andrew Azzopardi flimkien ma’ Peppi Azzopardi qalu li kif indikat fl-istqarrija li ħarġet mid-DOI (datata 15/9/2021) ‘kien mgħarraf (Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi) li l-Pulizija se tressaq żewġ uffiċjali korrettivi permezz ta’ ċitazzjoni quddiem il-Qorti tal-Maġistrati dwar reati ta’ natura involontarja.’ L-istqarrija tkompli, ‘Dan b’rabta mal-inkjesta maġisterjali li nfetħet fil-każ ta’ attentat suwiċidju li seħħ fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin nhar is-16 ta’ Ġunju 2021.’
“Ma ninsewx li f’dan il-każ kien hemm eżitu traġiku fejn tfajla ta’ 29 sena, li kellha tkun qed tippjana ħajjitha, spiċċat ittemmha,” saħqu Andrew u Peppi Azzopardi.
“Mingħajr ma rridu niġġustifikaw l-allegat azzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ uffiċjali nagħmluha ċara li mhux sewwa li din it-traġedja titgħabba biss fuq dawn iż-żewġ ħaddiema għax hija it-tmexxija krudili li qed titteroriżża kemm lil priġunieri u kemm lil uffiċjali.”
L-istqarrija mid-DOI tkompli tgħid, ‘Jirriżulta li l-Maġistrat Inkwirenti sabet nuqqasijiet fil-konfront taż-żewġ uffiċjali korrettivi. Il-ħaddiema konċernati kienu sospiżi b’mod immedjat u huma wkoll soġġetti għall-proċeduri quddiem il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.’
Profs. Andrew Azzopardi flimkien ma’ Peppi Azzopardi tennew li qed jitolbu biex immedjatament tinħatar inkjesta pubblika li għandha tistabbilixxi jekk l-Istat setax jevita il-mewt traġiku ta’ din it-tfajla ta’ 29 sena li għamlet suwiċidju fiċ-Ċella numru 23.
Huma komplew jgħidu li għal diversi xhur indikaw li l-affarijiet fil-Ħabs huma fi stat ħażin u dan ikkonfermat f’ diversi rappurtaġġi minn ġurnalisti varji u testimonjanza pubbliċi u privati.
“Din l-Inkjesta għandha twassal biex dan ir-reġim ta’ biża jkollu d-diċenza jisma’ u jirreaġixxi b’ mod spedit u immedjat ħalli nevitaw aktar vittmi,” filwaqt li tennew li l-Ħabs m’għandux jibqa’ post ta’ biża u theddid imma jsir post rijabilitattiv fejn jippreparak għad-Dinja ta’ ‘hemm barra’ – “kif indikajna f’diversi idejat li ressaqna fid-dominju pubbliku.”
“Ninsistu li nsibu biss il-komfort jekk immedjatament tinħatar Inkjesta biex tisabilixxi r-responsabiltajiet ta’ kif setgħet tiġi evitata tali sitwazzjoni.”
“Ninsistu li din l-inkjesta u l-inkjesti l-oħra fuq is-suwiċidju u mwiet li seħħew fil-Ħabs għandhom ikunu ppublikati immedjatament,” temmew jgħidu Prof. Andrew Azzopardi u Peppi Azzopardi.