Mniedi B’Mod Uffiċjali Gender Audit Tal-Parlament Malti
Ilbieraħ fil-Parlament ġie mniedi b’mod uffiċjali gender audit tal-Parlament Malti, li qiegħed isir mill-Office for Democratic Institutions and Human Rights (ODIHR) bl-għajnuna tan-National Commission for the Promotion of Equality (NCPE).
L-audit qiegħed jitmexxa minn Meg Munn, eks Ministru għan-Nisa u l-Ugwaljanza Ingliża, u Sasa Gavric min-naħa tal-ODIHR. L-għan aħħari tal-audit huwa li jidentifika dawk il-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex ikun jista’ jintlaħaq l-għan ta’ rappreżentanza ugwali bejn irġiel u nisa fil-Parlament, u dan permezz ta’ infrastruttura u kultura li tassew tħeġġeġ u tgħin lin-nisa jidħlu fil-politika.
It-tnedija saret fil-Parlament f’workshop li laqqa’ membri parlamentari, staff tal-Parlament, rappreżentanti tal-partiti politiċi u għaqdiet non-governattivi. Il-ftuħ tal-workshop kien indirizzat mill-Ispeaker Anġlu Farrugia, mill-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici, u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Carmelo Mifsud Bonnici.
Fid-diskors tiegħu, l-Ispeaker tkellem dwar kif, minkejja l-iżviluppi li saru fil-mixja demokratika ta’ Malta, l-aspett ta’ rappreżentanza femminili fil-Parlament għadu ‘l bogħod ferm minn dak mixtieq u mill-medja madwar id-dinja. Huwa tkellem ukoll dwar l-emendi kostituzzjonali li għaddew mill-Parlament aktar kmieni din is-sena, li bis-saħħa tagħhom fl-elezzjoni li jmiss se jkunu jistgħu jiġu eletti sa massimu ta’ tnax-il membru femminili jekk il-poplu ma jkunx diġà tella’ numru ta’ rappreżentanti nisa li jammontaw għal 40% tal-membri kollha tal-Kamra.
Il-Ministru Owen Bonnici stqarr li għalkemm fil-pajjiż saru avvanzi sinifikanti f’dik li hi parteċipazzjoni tan-nisa, partikolarment fid-dinja tax-xogħol, dawn l-avvanzi waqgħu lura f’dik li hija rappreżentanza fil-Parlament. Huwa żied li l-leġiżlazzjoni l-ġdida hija importanti, iżda din trid tkun kumplimentata b’miżuri aktar wiesgħa, u għalhekk huwa l-mument opportun li jsir dan l-audit.
Is-Sur Carm Mifsud Bonnici qal illi issa li hemm dan il-mekkaniżmu ġdid fil-leġiżlazzjoni tagħna, wieħed irid jara x’se jkunu l-effetti tiegħu, u jekk l-iskop tal-leġiżlatur huwiex jintlaħaq. Huwa żied illi l-eżerċizzju għandu jkun wieħed mhux biss numeriku imma, aktar importanti minn hekk, kwalitattiv.
Il-gender audit tal-Parlament Malti għandu jkun konkluż sa tmiem din is-sena.