Mniedi Proġett Ġdid Ta’ Urban Greening B’Investiment Ta’ €1 Miljun F’Ħal Qormi
Il-lokalità ta’ Ħal Qormi wkoll se tkun qed tgawdi minn proġett ġdid ta’ urban greening, permezz ta’ investiment ta’ miljun ewro mill-Fond Soċjali u għall-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF).
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri, il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat waqt konferenza tal-aħbarijiet fuq il-post. Ġie wkoll iffirmat ftehim bejn l-Awtorità tal-Artijiet u GreenServ sabiex ikun jista’ jitwettaq dan il-proġett u oħrajn bħalu.
Dan il-proġett se jkun qed ibiddel parti mill-istorm water culvert fi spazju li jista’ jitgawda mir-residenti. Permezz ta’ tħawwil ta’ siġar u pjanti aromatiċi, se jkun qed jinħoloq spazju ġdid li, minbarra li se jkun qed iħaddar din iż-żona traffikuża, se jkun qed jipprovdi wkoll dell għan-numru ta’ bankijiet li se jkunu qed jitwaħħlu.
Se tinħoloq ukoll korsa tal-ġiri ta’ 200 metru li se tkun qed iddur mal-perimetru u li se tkun qed tiġi iżolata mit-triq permezz tas-siġar li se jkunu qed jitħawwlu. Se tkun qed tiġi ffaċilitata l-aċċessibbiltà kemm għar-residenti li jkunu jridu jaċċessaw il-ħwienet li hemm fil-madwar, kif ukoll għall-karozzi sabiex jaqsmu għal Triq il-Wied. Se jiġi wkoll introdott parkeġġ żgħir fil-livell tat-triq li se jkun qed iżid l-ispazji għall-parkeġġ f’din iż-żona.
Il-Ministru Aaron Farrugia qal li dan huwa proġett ieħor immexxi mill-GreenServ li se jkun qed joħloq spazju miftuħ u aħdar f’żona sinonima mat-traffiku, bl-għan li ntejbu l-kwalità tal-ħajja għar-residenti li joqogħdu f’din iż-żona urbana, kif ukoll jippromwovi stili ta’ ħajja sostenibbli.
Il-Ministru Silvio Schembri qal li l-ftehim se jwitti kapitlu ġdid għal din iż-żona f’Ħal Qormi, li għal snin twal ir-residenti tagħha kienu jaffaċċjaw sfidi serji f’ċirkustanzi ta’ xita. “Il-fatt li llum wasalna biex inħabbru dan il-proġett lir-residenti ta’ Ħal Qormi huwa ta’ sodisfazzjon ferm akbar għalija. Niftakar ir-residenti ta’ din iż-żona kemm batew f’perjodu ta’ xita qliel bl-ilma li kien jinġabar hawnhekk li saħansitra kien jidħol f’darhom, u sa minn għaxar snin ilu ħdimt biex ħolma għal Qriema ssir realtà.” qal il-Ministru Schembri.
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li dan mhux proġett iżolat, imma parti minn sensiela ta’ proġetti li jistgħu jitwettqu b’investiment mill-NDSF. Dan il-fond iħares l-interessi taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, u permezz tiegħu pajjiżna jista’ jgawdi minn spazji isbaħ u kwalità ta’ ħajja aħjar.