‘Money Monsters’ – Logħba Diġitali Għat-Tfal Dwar L-Għarfien Finanzjarju
Tnieda programm ta’ logħob diġitali għall-edukazzjoni finanzjarja divertenti appoġġjat minn kompetizzjoni ta’ premju għall-aħjar kunċett ta’ disinn tal-logħob tal-edukazzjoni. Il-logħba Money Monsters hija l-ewwel ‘gradwata’ ta’ dan il-programm u hija l-ħolqien ta’ tim ta’ tliet studenti żgħażagħ, issa professjonisti – Valerija Homoljova, Chantelle Saliba u Sean Powell. Din il-logħba tnediet fil-Kulleġġ Santa Klara f’San Ġwann.
Dan it-tim ta’ studenti taw prototip tal-logħba aktar kmieni din is-sena, u tant kien ta’ kwalità eċċellenti li ĠEMMA, fi ħdan il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, iddeċidiet li tikkollabora mal-Ministeru għall-Edukazzjoni biex flimkien jiżviluppaw din f’riżorsa li hija ċċertifikata għall-użu edukattiv.
Il-logħba, filwaqt li hija divertenti, hija wkoll mezz edukattiv li jwassal lit-tfal biex jifhmu l-importanza tal-ippjanar f’ħajjithom, li għandu jibda minn età żgħira. Il-logħba għalhekk twassalhom biex jitgħallmu b’mod frisk f’kompetenza li tgħodd għall-futur tagħhom.
Waqt it-tnedija, il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon faħħar din l-inizjattiva u appella għal iktar inizjattivi ta’ dawn it-tip, sabiex minn etajiet żgħar ngħallmu lit-tfal fl-iskejjel dwar l-importanza tal-għarfien u l-kapaċità finanzjarja. Huwa qal li dan l-approċċ għall-gamifikazzjoni mhuwiex xi ħaġa ta’ darba. “Infakkar kif diġà kien hemm kunċetti tal-logħob tal-kapaċità finanzjarja diġitali mill-klassi akkademika tal-istudenti tat-tielet sena tal-2019, filwaqt li f’Mejju 2020 ġie ffirmat Memorandum ta’ Ftehim mis-Segretarju Permanenti mal-Università ta’ Malta għal ħames snin. Din is-sena akkademika li ġejja se nibdew l-Istaġun tal-Gamifikazzjoni Numru 3, b’żewġ logħbiet tal-Istaġun tal-Gamifikazzjoni Numru 2 li bħalissa qed isiru prototipi,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana tkellmet dwar l-importanza li nagħtu tagħlim ta’ ħiliet lill-uliedna, f’kuntest ukoll tar-riformi importanti li qed isiru fis-settur edukattiv. “Huwa importanti li nagħtu edukazzjoni lill-uliedna lil hinn mill-kurrikulu biex inrawwmuhom bħala ċittadini tajbin. Lit-tfal żgħar irridu nindukrawhom f’valuri u f’kultura li huwa importanti li jieħdu deċiżjonijiet għaqlin u ngħallmuhom kemm huwa importanti li jużaw b’għaqal ir-riżorsi li huma jkollhom,” qalet il-Ministru Caruana.
Hija tkellmet dwar il-proġett li ġie ppreżentat u qalet li dan juri wkoll kunċett importanti, dak li juri tagħlim b’mod divertenti – kunċett li spikka ħafna meta t-tfal stess kienu konsultati għall-istrateġiji li saru mill-Ministeru. “Dak li llum qed jieħdu gost jitgħallmu b’mod divertenti se jkun utli għalihom ’il quddiem f’ħajjithom,” spjegat il-Ministru Caruana.
Intant, dawk li jikklassifikaw fl-ewwel u t-tieni post jiġu offruti l-opportunità ta’ għotja biex jittraduċu l-kunċett fi prototip tal-logħob. L-idea wara din l-inizjattiva kienet li tiġi stabbilita pjattaforma għall-ħolqien ta’ gamifikazzjoni tal-edukazzjoni dwar il-kapaċità finanzjarja, hekk kif kien hemm nuqqas ta’ logħob diġitali edukattiv.
ĠEMMA twaqqfet fl-2017 biex toħloq aktar għarfien għall-irtirar u l-kapaċità finanzjarja meta stabbilixxiet l-għarfien u informazzjoni indipendenti u affidabbli dwar il-kapaċità finanzjarja permezz ta’ riżorsi multimedjali diretti lejn il-pubbliku ġenerali u faxex speċifiċi tal-popolazzjoni. Hija tagħti importanza wkoll lill-bażi tal-edukazzjoni bħala l-passaġġ ewlieni għall-bini ta’ ħiliet ta’ kapaċità finanzjarja.