Naqtgħu L-Frott Tal-Pjan Tagħna – Stefan Zrinzo Azzopardi

 Naqtgħu L-Frott Tal-Pjan Tagħna – Stefan Zrinzo Azzopardi

Viżta Uffiċjali mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen – MITA

Ix-xogħol konness mat-tmexxija tal-Fondi Ewropej f’pajjiżna huwa wieħed impenjattiv ħafna għax jinvolvi infieq ta’ fondi kbar li jeħtieġu skrutinju dettaljat mhux biss mill-awtoritajiet f’Malta iżda anke mill-Istituzzjonijiet Ewropej. Il-proġetti li nwettqu b’dawn il-fondi jkunu marbuta b’miri speċifiċi ta’ dati u ammonti ta’ infieq li jekk ma jintlaħqux ikun ifisser telf kbir ta’ fondi għal pajjizna.

Malta għandha track rekord tajjeb fl-infieq ta’ dawn il-fondi. Qegħdin fl-aħħar snin tal-implimentazzjoni tal-allokazzjoni ta’ fondi li kellha Malta għas-snin 2014-2020 u sa tmiem l-2023 irridu nkunu temmejna il-proġetti kollha li qed isiru b’dawn il-fondi.

Waqt li qed iseħħ dan kollu, konna għaddejjin b’xogħol sostanzjali ieħor biex nippreparaw il-programmi dwar kif se nonfqu l-allokazzjoni rekord ta’ €2.27 biljun li nrexxielna nġibu lejn Malta għas-snin 2021-2027. L-ewwel fost dawn il-programmi kien il-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza li l-Kummissjoni Ewropea allokat lill-Istati Membri kollha bħala għajnuna għall-irkupru mill-pandemija.

F’Lulju li għadda ħabbarna dan il-programm bi 17-il proġett ewlieni, b’nofs in-nefqa ta’ €345 miljun iddedikata lejn proġetti ambjentali u 26% ohra tan-nefqa iddedikati għal proġetti biex l-ekonomija tagħna tkun aktar diġitali u intelliġenti. Ressaqna dan il-programm quddiem il-Kummissjoni Ewropea u b’sodisfazzjoni għalina lkoll, dan issa ġie approvat u llum kellna fostna lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula Von Der Lyen twasslilna d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda tgħaddilna l-flus allokati għal dan il-programm biex mill-ewwel nibdew naħdmu fuq it-twettieq tal-proġetti approvati.

Minn dan il-Fond ta’ Rkupru u Reżiljenza se nagħmlu investimenti ewlenin ta’ fejda għall-poplu tagħna. Ser inkunu qed nirrinovaw binjiet pubbliċi u privati, skejjel u sptarijiet biex isiru effiċjenti fl-użu tal-enerġija u nnaqsu l-emmissjonijiet. Se nibnu skola ġdida li tkun kważi ħielsa mill-emmissjonijiet tal-karbonu biex isservi ta’ mudell għal skejjel oħra.

Ser ninvestu f’toroq, pajsaġġi u spazji miftuħa u nibnu faċilita ġdida ta’ irmiġġ fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar jew Buġibba. Ser ninċentiva lis-settur privat biex iżid il-bejgħ tal-karozzi, muturi u roti li jaħdmu bl-elettriku filwaqt li ser nibdlu l-karozzi kollha tas-servizz pubbliku għal dawk elettriċi. Ser ngħinu wkoll biex jibdew jinbidlu x-xarabanks tat-trasport pubbliku ħalli jkunu jaħdmu wkoll bl-elettriku.

F’dak li huwa diġitali ser ninvestu biex insaħħu s-servizzi diġitali kollha offruti mill-Gvern u nsaħħu s-sistema tal-informatika tal-Gvern. Fil-qasam tas-saħħa ħa nibnu ċentru ġdid tad-demm li jkun magħruf bħala Blood, Tissue and Cell Centre bl-aħħar teknoloġija f’dan il-qasam. Proġett ewlieni ieħor li se nwettqu b’dawn il-fondi huwa l-bini tal-kampus il-ġdid għall-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS) biex inkomplu nsaħħu l-industrija turistika tagħna, li hija pilastru ewlieni tal-ekonomija tal-pajjiz.

Iż-żjara tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Von Der Leyen fostna u l-approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea għall-pjan tagħna hija prova oħra ta’ kemm ħdimna bil-għaqal biex fassalna dan il-pjan. Bl-istess determinazzjoni u ħeġġa issa nkomplu naħdmu biex inwettqu dak li ppjanajna ħalli l-poplu Malti jgawdi minn dan il-ġid li rnexxielna nakkwistaw għal pajjiżna.

Viżta Uffiċjali mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen – MITA
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com