“Nhar Ta’ Ħadd L-Ispiżeriji Jibdew Jiftħu Wkoll Wara Nofsinhar”
“Dan hu Gvern żagħżugħ fis-settur tas-saħħa, fadlilna ħafna ideat x’nintroduċu biex intejbu s-servizzi tas-saħħa għall-poplu tagħna. Fost oħrajn, qegħdin f’diskussjonijiet avvanzati biex nhar ta’ Ħadd l-ispiżeriji mhux biss jiftħu fin-nofstanhar ta’ filgħodu iżda jibdew jiftħu wara nofsinhar ukoll.”
Hekk sostna d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne f’kollegament virtwali waqt Konferenza organizzata mill-Partit Laburista bit-tema “Inġeddu l-Politika għal poplu b’saħħtu.” filwaqt li saħaq kif dawn id-deċiżjonijiet qed isiru biex il-poplu Malti u Għawdxi jkun moqdi aħjar mill-ispiżeriji fil-komunità.
Huwa faħħar l-idea tal-konferenza tal-Partit Laburista li minnha nibtu diversi ideat friski u viżjoni interessanti minn dawk li jmissu ma’ dan is-settur kuljum.
Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Daniel Micallef semma kif “illum ninsabu f’pożizzjoni li niddiskutu l-futur għax pajjiżna tmexxa u qed jitmexxa b’għaqal kbir matul il-pandemija. Illum fis-settur tas-saħħa m’għadniex nitkellmu fuq il-bażiku, nitkellmu kif se ngħollu l-livell ta’ dak li diġà għandu livell għoli.”
Il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard saħqet kif it-tema Inġeddu Malta Flimkien hija xhieda tad-determinazzjoni li fi pjan ambizzjuż għal pajjiżna, ikun involut kulħadd.
“Dan huwa Partit impenjat li jibqa’ ffukat fuq il-politika tan-nies.”