PN Jappella Lill-Gvern Biex B’Mod Immedjat Jindirizza L-Problemi Kbar Li Hemm Fil-Ħabs Illum
Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-PN għall-Intern, is-Sigurtá Nazzjonali, l-Immigrazzjoni u l-Programm ta’ Ċittadinanza Beppe Fenech Adami ntqal li l-Gvern għal darb’oħra reġa’ kien reattiv għall-proposti mressqa mill-Partit Nazzjonalista. Din id-darba dwar l-użu ta’ moniteraġġ elettroniku tal-priġunieri f’pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista fakkar illi kien hu li diversi xhur ilu ħabbar disa’ proposti intiżi biex jindirizzaw il-problema kbira ta’ affullament fil-ħabs.
Beppe Fenech Adami qal li llum il-Ministru Byron Camilleri għażel li jvara legiżlazzjoni li permezz tagħha ser ikun possibbli li jsir moniteraġġ elettroniku tal-priġunieri f’pajjiżna.
“Dan huwa pass żgħir ‘il quddiem, fejn il-Ministru b’mod reattiv għażel li jvara waħda mill-proposti mressqa mill-Partit Nazzjonalista. Il-PN ifakkar illi l-popolazzjoni fil-ħabs illum hija d-doppju ta’ dak li kien intenzjonat li jesa’. Dan il-fatt qiegħed ipoġġi pressjoni kbira fuq il-gwardjani tal-ħabs,” tenna l-PN filwaqt li appella lill-Gvern biex b’mod immedjat jindirizza il-problemi kbar li hemm fil-ħabs illum.
Il-Kelliem tal-PN temm jgħid li huwa inutli li l-gvern iwaħħal fil-ħaddiem iż-żgħir li jaħdem fil-ħabs waqt li jibqa’ jiddefendi l-kbarat li taħthom seħħew xejn anqas min 13-il mewta fi żmien sentejn.