Quddiem L-Isfiduċja Tal-Poplu, Il-PN Irid Jilgħab Maħmuġ Bl-Istituzzjonijiet
“Għax il-poplu qed jibqa’ juri għal darba wara l-oħra li ma jridx jafda lill-Partit Nazzjonalista, l-Oppożizzjoni mingħaliha tista’ timmina lill-Partit Laburista billi tilgħab b’mod maħmuġ bl-istituzzjonijiet.” Hekk qalet l-istqarrija mill-Partit Laburista fejn tenniet li dak li ma tistax iġġib bil-proċess demokratiku mingħaliha trid iġġibu b’allegazzjonijiet foloz u billi tipprova timmina lill-Partit Laburista b‘investigazzjonijiet mibnija fuq allegazzjonijiet fiergħa.
Saħqet li l-Partit Laburista, bl-istrutturi kollha tiegħu se jkun qed jieqaf b’saħħa quddiem din l-istrateġija moqżieża maħsuba biex tbeżża’ wkoll in-nies milli jgħinu lill-Partit Laburista.
“Il-Partit Laburista daħħal u josserva l-liġi tal-finanzjament tal-partiti. Filwaqt li l-Partit Laburista diġa’ ddikjara minnufih ilbieraħ li mhu qiegħed idaħħal l-ebda flus mingħand Yorgen Fenech, wisq inqas €200,000, Bernard Grech se jkollu jifhem kif se jkunu hu u l-partit tiegħu l-iktar li se jkollhom xi jwieġbu fiż-żmien li ġej”, temmet tgħid l-istqarrija.