Raġel Jintlaqat Minn Karozza F’San Ġiljan
Ilbieraħ, għal xi sagħtejn neqsin kwart ta’ waranofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq Sant’Andrija, San Ġiljan.
Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li Ingliż ta’ 61 sena kien ġie milqut minn karozza ta’ tip Jaguar li kienet qed tiġi misjuqa minn raġel ta’ 52 sena residenti l-Msida.
L-Ingliż ingħata l-assistenza minn tim mediku, ittieħed l-isptar b’ambulanza u ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.