Rilaxx Ta’ Iżjed Miżuri Restrittivi

 Rilaxx Ta’ Iżjed Miżuri Restrittivi

Id-Deputat Prim Ministru illum qal li minkejja li l-Awtoritajiet għas-Saħħa qegħdin jistennew żieda fil-każijiet tal-COVID-19 wara l-ftuħ tal-iskejjel u minħabba l-istaġun tal-influenza, il-fatt li 92% tal-poplu eliġibbli għall-vaċċin huwa mlaqqam ifisser li jistgħu jiġu rilaxxati iżjed miżuri restrittivi.

Huwa ħabbar li se jkunu ppubblikati protokolli inqas ristretti għar-ristoranti, bars, u każini li jagħżlu li jservu biss persuni li għandhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin. Tfal ta’ taħt it-12-il sena jistgħu jidħlu f’dawn l-istabbilimenti mingħajr il-bżonn ta’ PCR test, kemm il-darba jkunu akkumpanjati minn ġenituri mlaqqma. Dawn il-protokolli, li jidħlu fis-seħħ mid-9 ta’ Ottubru, se:

– Jippermettu li d-distanza bejn l-imwejjed tkun ta’ 1.5m ġewwa u ta’ 1m barra;
– Jżidu l-ammont ta’ persuni mal-istess mejda għal 8 persuni;
– Jestendu l-ħinijiet tal-ftuħ sa 3am (fejn tippermetti l-liċenzja);
– Joperaw b’ “controlled bar service”.

L-istabbilimenti se jkunu mitluba japplikaw għal permess mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu darba biss.

Id-Deputat Prim Ministru sostna li dawn il-protokolli kienu mfassla wara diskussjonijiet mal-imsieħba ewlenin fis-settur, l-MHRA, il-Malta Chamber of SMEs u l-ACE. “Jekk is-sitwazzjoni f’Mater Dei tibqa’ taħt kontroll, ikun possibbli li nestendu dawn il-protokolli għal stabbilimenti oħra u għat-tiġijiet b’mistiedna mlaqqma fil-ġimgħat li ġejjin”, spjega d-Deputat Prim Ministru.

Id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li peress li iżjed minn 70% tal-adulti Ewropej issa huma mlaqqma, mill-1 t’ Ottubru 2021 Malta se tibda taċċetta ċertifikati tal-vaċċin Ewropej b’ doża waħda biss meta l-persuna tkun rikoverata mill-COVID-19, dan fid-dawl li pajjiżi bħall-Ġermanja mhumiex joffru t-tieni tilqima lil dawn il-persuni. Filwaqt li ħabbar ukoll li Malta se tibda tirrikonoxxi ċ-ċertifikati tal-vaċċin tal-Malasja, l-Għarabja Sawdita, u l-iRwanda.

Dwar l-obbligu tal-użu tal-maskri fil-klassijiet, id-Deputat Prim Ministru Fearne spjega kif rapporti riċenti tac-CDC wrew biċ-ċar li fi skejjel fejn l-użu tal-maskri ma kienx infurzat instabu iżjed mid-doppju tal-każijiet tal-COVID-19 minn skejjel li użaw il-maskri. “L-obbligu tagħna huwa li nkomplu nipproteġu lill-poplu Malti u Għawdxi, b’mod partikolari lit-tfal li għadhom m’humiex imlaqqmin.”

Hawn ukoll stqarr li jekk il-każijiet jibqgħu kkontrollati, din il-miżura tista’ tiġi riveduta fiż-żmien li ġej.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com