“Robert Abela Moħħu Biss Biex Jikkopja L-Proposti Tal-PN Biex Imbagħad Jagħmilhom Tiegħu” – Il-PN
F’reazzjoni għal dak li ġie mħabbar dalgħodu mill-Prim Ministru, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li “l-Gvern ta’ Robert Abela moħħu biss biex jikkopja l-proposti tal-Partit Nazzjonalista, biex imbagħad jagħmilhom tiegħu.”
Dan ntqal minn Bernard Grech f’messaġġ li kiteb fuq il-mezzi soċjali hekk kif dalgħodu l-Gvern ħabbar investiment ta’ €20 miljun għal trakka tal-karozzi f’Ħal Far.
Grech qal li “wara snin iwiegħed li se ssir it-trakka tad-dilettanti tat-tlielaq tal-karozzi u jħalliha fuq l-ixkaffa, il-Gvern Laburista reġa’ qajjimha hekk kif qorbot l-elezzjoni ġenerali u wara li din il-proposta erġajt ikkommettejt ruħi dwarha lbieraħ.”
“Id-dilettanti tal-karozzi ħaqqhom ħafna aħjar minn hekk, ilhom wisq jiġu ttraduti minn dan il-Gvern,” tenna Bernard Grech fil-messaġġ tiegħu.
Huwa temm jgħid li “Gvern ġdid Nazzjonalista jwettaq din il-proposta, mingħajr ma jkompli jwiegħed u jidħak bid-dilettanti.”