Sajf Jaħraq Kien U Għadu!
Indumu wisq nistennewh, iżda kif jasal ninqaflu ġewwa għax nibżgħu mill-ħsara li r-raġġi tax-xemx kapaċi jikkawżaw, hux tassew?
F’dan l-artiklu ser nitkellmu ftit dwar kif wieħed jista’ jipproteġi lilu nnifsu minn dawn ir-raġġi tant qawwija tal-UV. Huwa fatt li s-sajf sabiħ, u nippreferu qabża fil-baħar. Tajjeb li ngħidu wkoll, li bħala stil ta’ għajxien, huwa importanti li jkun hemm mumenti ta’ rikreazzjoni, mod speċjali jekk dan il-ħin jiġi ddedikat għal xi attività fiżika, bħall-għawm. M’hemmx għalfejn wieħed ikun atletiku biex jinżel iċafċaf ftit. Il-muskoli u l-ġogi jirringrazzjawk għal dak in-naqra moviment li tkun għamilt.
Fuq nota oħra pożittiva, ir-raġġi tax-xemx fuq il-ġilda tagħna joħolqu vitamina importanti għall-bniedem, il-vitamina D. Meta l-ġilda tiġi esposta għax-xemx, tinħoloq din il-vitamina mill-kolesterol li jinsab fiċ-ċelloli tal-ġilda tagħna, u b’hekk il-vitamina D tiġi prodotta.
Kif l-aħjar li nipproteġu l-ġilda?
Nibdew biex insemmu l-krema li tipproteġina mix-xemx. Applika l-krema fuq kull parti ta’ ġismek li se tkun esposta għax-xemx. Tinsewx il-widnejn u l-wiċċ ta’ jdejkom. Importanti li l-applikazzjoni ssir mill-ġdid wara massimu ta’ sagħtejn għall-espożizzjoni tal-UV. Ħudu aktar ħsieb jekk tinżlu fil-baħar b’mod frekwenti. Agħmlu mezz li terġgħu tapplikaw il-krema, anke jekk fuq il-kontenitur ikun hemm miktub li l-krema tibqa’ fuq il-ġilda wara li tinżel tgħum.
Fuq nota aktar kumplessa…
Jekk sfortunatament, kif jgħid il-Malti, tinħaraq bix-xemx, żommu l-ġilda friska billi tagħmlu użu minn krema tal-ġilda ta’ kontra l-ħruq tax-xemx. Apparti dan kollu, tinsewx tixorbu ammont sostanzjali ta’ ilma biex tgħinu fir-riġenerazzjoni tal-idratazzjoni.
X’inhi Heat Stroke?
Heat stroke jew Sun stroke tiġi kkawżata meta persuna tkun esposta għax-xemx għal tul ta’ ħin, possibilment mingħajr ebda protezzjoni kontra r-raġġi. Wieħed kapaċi jesperjenza sintomi varji, bħal uġigħ ta’ ras, sturdament, temperatura għolja tal-ġisem, ħmura fil-ġilda, u f’xi każijiet, konfużjoni.
L-aħjar metodu li bih tistgħu tassistu lil xi ħadd li qiegħed jesperjenza heat stroke, (jew anke għalik stess), huwa billi primarjament jiġu mneħħija ħwejjeġ eċċessivi, imbagħad jiġi applikat ilma frisk dirett fuq il-ġilda tal-individwu. Ħudu ħsieb li, b’mod immedjat, tmorru f’żona mingħajr xemx. Xarba ilma hija neċessarja, mhux biss jekk nesperjenzaw sun stroke, iżda tul l-eqqel tas-sajf kollu.
Sittin fil-mija tal-ġisem huwa magħmul mill-ilma, għalhekk nisħqu li għandna nixorbu minn tal-inqas żewġ litri ta’ ilma kuljum. Meta l-ġisem jegħreq, ikun kollu telf ta’ ilma, u jekk ma nerġgħux nipprovdu lil ġisimna b’aktar ilma, hemm mnejn nesperjenzaw uġigħ ta’ ras kif ukoll sturdament, li jkun sinjal ta’ dehydration (nuqqas ta’ ilma fis-sistema tal-ġisem).
Ejjew ingawdu dak li fadal minn dan is-sajf, u s-sjuf li ġejjin b’aktar responsabbiltà billi nosservaw dan li għadna kif tkellimna dwaru.
Ħudu gost mingħajr riperkussjonijiet!
Illum għandna għalikom kompetizzjoni marbuta ma’ dan l-artiklu li għadkom kif qrajtu. Biex tieħdu sehem kulma tridu tagħmlu huwa li twieġbu għal din il-mistoqsija: X’ittra għandha l-vitamina li tiġi mir-raġġi tax-xemx, u kif tinħoloq din il-vitamina?
Ibagħtu t-tweġibiet tagħkom fuq [email protected]
Mir-risposti tajbin li nirċievu se nagħżlu tlieta bix-xorti u dawn se jirbħu:
L-Ewwel Premju Biljett tad-dħul għall-familja kollha (Family Entrance) fl-Esplora bil-Planetarium inkluż. Il-biljett għall-familja kollha jikkonsisti minn 2 biljetti tad-dħul għall-adulti u 2 biljetti tad-dħul għat-tfal.
It-Tieni u t-Tielet Premju Biljett ta’ Entratura għat-tfal bil-Planetarium.
Termini u kundizzjonijiet japplikaw.
Id-data tal-għeluq tal-kompetizzjoni hija 19 ta’ Settembru 2021.
(Dan l-artiklu huwa miktub minn Alison, Explainer ġewwa l-Esplora)