“Sfortunatament, Sena Wara Sena Kollox Jitħalla Sal-Aħħar Minuta…” – L-MUT

 “Sfortunatament, Sena Wara Sena Kollox Jitħalla Sal-Aħħar Minuta…” – L-MUT

Fi stqarrija mill-MUT, intqal li hi giet infurmata bis-sejħa mill-Ministeru tal-Edukazzjoni sabiex għalliema peripatetici u dawk fis-servizzi, b’mod volontarju, jieħdu klassi fil-primarja. Qalu li din hija l-istess sejħa għal espressjoni ta’ interess bħalma ħarġet is-sena li għaddiet peress li bil-protokolli, partikolarment dawk tad-distanza soċjali, kien hemm klassijiet b’inqas studenti u allura ħolqot domanda għal aktar għalliema tal-klassi.

Iċ-ċirkustanzi talbu wkoll li numru ta’ għalliema meqjusa bħala vulnerabbli għallmu fl-iskola virtwali, u dan kompla jnaqqas in-numru ta’ għalliema fil-klassi. “Dan biex ma nsemmux li anki qabel il-pandemija l-MUT kienet ilha tisħaq dwar pjan fit-tul sabiex tiġi megħluba l-kriżi ta’ nuqqas ta’ għalliema fil-qasam edukattiv.”

Intqal li l-MUT appellat kemm-il darba li dawn il-protokolli din is-sena misshom ħarġu qabel ħalli dawn il-proċessi jiġu konklużi qabel bl-edukaturi moħħhom mistrieħ u ppreparati sew għas-sena skolastika l-ġdida.

“Sfortunatament, sena wara sena kollox jitħalla sal-aħħar minuta fejn imbagħad, kif l-MUT jkollha l-ewwel oġġezzjoni għall-mod kif isiru l-affarijiet u għax titlob ftit ġranet sabiex tikkonsulta lill-membri, teħel hi li qed iżżomm l-affarijiet”, saħqet l-MUT.

Sostnew li l-MUT issa qed tistenna b’ħerqa l-eżitu ta’ din is-sejħa qabel ma tiltaqa’ mal-Ministeru. “Mingħajr din l-informazzjoni ma tistax tiġi evalwata s-sitwazzjoni, partikolarment kif l-għalliema peripatetiċi u dawk fis-servizzi jistgħu jkunu affettwati bid-deċiżjonijiet li l-Ministeru ser ikun qed jipproponi. Wara li jkun hemm l-istampa veritiera, imbagħad, l-MUT tkun tista’ tlaqqa’ l-għalliema affettwati biex tiġi diskussa s-sitwazzjoni u tittieħed pożizzjoni.”

“Dan kollu jiċħad kull allegazzjoni malizzjuża li saret fil-konfront tal-MUT, fejn qiegħed jingħad li l-union ftiehmet mal-Ministeru mingħajr konsultazzjoni.”, temmet l-istqarrija.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com