“Steward Qalu Li Nefqu €60 Miljun Fl-Isptarijiet U Kważi Ma Sar Xejn” – Adrian Delia

 “Steward Qalu Li Nefqu €60 Miljun Fl-Isptarijiet U Kważi Ma Sar Xejn” – Adrian Delia

“Bil-flus li qed jieħdu Steward, nistgħu nagħtu ħafna aktar lil pajjiżna u lill-poplu Malti u Għawdxi kollu. Flus li jistgħu jintużaw għal servizz aħjar fis-settur tas-saħħa.”

Kien dan il-messaġġ li wassal il-Partit Nazzjonalista f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri u mid-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia.

Stephen Spiteri qal li l-poplu Malti huwa marbut bil-bejgħ tat-tliet Sptarijiet, fejn anke l-uniku sptar ta’ Għawdex ukoll inbigħ lill-privat. “Turija ċara ta’ ħela hekk kif il-kumpanija privata Vitals li daħlet għal dan il-kuntratt spiċċat sparixxiet b’38 milljun ewro fil-but, b’Ram Tumuluri telaq b’5 miljun ewro bonus, u dan kollu mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi.”

Stephen Spiteri qal li b’dawn il-flus il-Gvern seta’ jagħti aktar mediċini lil pazjent morda bil-kanċer, jinvesti iktar fis-saħħa mentali, iżid il-mediċini fuq il-formolarju tal-Gvern, jinvesti iktar f’xiri ta’ apparat modern u jżid ir-riżorsa umana. Huwa qal li dan kollu huwa insult għall-poplu Malti u dan mhux qed jgħidu biss il-Partit Nazzjonalista iżda wkoll diversi unions. Kuntratt li sar favur il-kuntrattur,  kuntratt li ma wassal għall-ebda sptar ġdid ta’ 400 sodda f’Għawdex.

Stephen Spiteri qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen li pajjiżna jixraqlu aħjar. L-Oppożizzjoni, bil-viżjoni tagħha qed tassigura li din is-sitwazzjoni tinbidel u dawn il-flus jintużaw għall-aqwa saħħa għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Min-naħa tiegħu d-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia fakkar kif hu fetaħ kawża l-Qorti sabiex dawn it-tliet sptarijiet jerġgħu jingħataw lill-poplu Malti għax ta’ kuljum il-poplu għadu qed jinsteraq il-miljuni. Saħaq li dan il-ftehim sar min wara dahar il-poplu fejn  minbarra li ngħataw dawn l-isptarijiet lill-privat, il-Gvern kien obbligat li meta jagħtuna s-servizz, nibdew inħallsuhom il-miljuni fis-sena u ma’ kull sena jiżdied l-ammont.

Adrian Delia qal li fil-Qorti stess il-kumpanija Steward ammettiet dan il-falliment u serq hekk kif minflok it-300 miljun utilizzawhom u tejbu s-servizz, nefqu biss 60 miljun u kważi ma sar xejn. Huwa wera numru ta’ paġni mir-rapport li ġie ippreżentaw fil-Qorti li juru li l-upgrading li sar kien wieħed minimu ħafna. Dikjarazzjoni maħlufa minn Steward stess.

Huwa żied jgħid li fil-mument li l-Prim Ministru Robert Abela jwaqqaf dan il-kuntratt, il-poplu Malti jkollu aktar flus li jistgħu jintużaw għal servizz ta’ saħħa aħjar.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com