Tfajla ta’ 17-il Sena Isofri Ġrieħi Gravi F’Inċident Tat-Traffiku F’Għawdex
Tfajla ta’ 17-il sena li kienet passiġġiera f’karozza spiċċat bi ġrieħi gravi wara inċident li seħħ matul il-lejl.
Minn stħarriġ li sar mill-Pulizija rriżulta li ġuvni ta’ 19-il sena residenti x-Xewkija tilef il-kontroll ta’ Toyota Corsa li kien qiegħed isuq u ħabat ma’ container. Fil-vettura miegħu kien hemm ukoll tfajla ta’ 16-il sena residenti San Ġwann u tfajla oħra ta’ 17-il sena residenti l-Iklin.
L-inċident seħħ kmieni llum, għall-ħabta tas-siegħa nieqes kwart ta’ filgħodu, fi Triq ir-Rabat, Marsalforn.
Huma ngħataw l-assistenza minn tim mediku u ttieħdu l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex b’ambulanza. Aktar tard it-tfajla ta’ 17-il sena ġiet iċċertifikata bi ġrieħi gravi filwaqt li l-oħrajn sofrew minn ġrieħi ta’ natura ħafifa.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.