‘The Entertainers’ Jirritorna Għas-Seba’ Staġun Tiegħu…

 ‘The Entertainers’ Jirritorna Għas-Seba’ Staġun Tiegħu…

Minn Ottubru, kull nhar ta’ Sibt filgħaxija fit-20.30 fuq Net Television, it-telesepettaturi se jkunu jistgħu jibdew isegwu s-seba’ sensiela ta’ The Entertainers, l-ikbar varjetà televiżiva tas-Sibt filgħaxija. The Entertainers, għandu jerġa’ joffri sagħtejn u nofs ta’ varjetà kontinwa u bosta attrazzjonijiet oħrajn li għandhom jagħmlu s-serata tas-Sibt għal dawk li jagħżlu li jibqgħu ġewwa, waħda mill-iżjed pjaċevoli.

Imma għal dan l-istaġun The Entertainers se jkollu bosta novitajiet. L-ewwel u qabel xejn se jkollu preżentaturi ġodda li se jieħdu post Janvil li, wara sitt snin iddeċieda li jieqaf ftit mit-telvixin. Minfloku l-programm se jitmexxa mill-kant’awtriċi u preżentattriċi brava u simpatika Corazon Mizzi flimkien mal-kantant u frontman tal-grupp popolari ‘The Crowns’, Victorio Gauci li huwa wkoll familjari mas-semmiegħa ta’ Net Fm. Xi drabi se narawhom flimkien u drabi oħra se narawhom jippreżentaw separatament. Imma żgur li huma koppja ħelwa u għandhom jinżlu tajjeb mat-telespettaturi.

The Entertainers huwa sinonimu mal-mużika LIVE u x’aktarx l-uniku programm televiżiv fil-gżejjer Maltin li fih il-kantanti kollha jkunu akkumpanjati minn band live. Minn dan l-istaġun, The Entertainers se jibda jieħu lit-telespettaturi fuq vjaġġ nostalġiku u ta’ kull ġimgħa, se jiġu interpetati kanzunetti minn żewġ deċennji partikolari li se jmorru lura għas-snin ħamsin sal-lum il-ġurnata. Apparti l-kanzunetti se jingħata tagħrif dwar aspetti soċjali u anke storiċi tal-epoki magħżulin. It-telespettaturi, permezz ta’ facebook u SMS, se jiġu mħajra jibagħtu t-tifkiriet tagħhom minn epoki partikolari.

Imma minbarra l-aspett mużikali flimkien mal-band residenti taħt it-tmexxija tas-surmast Mark Spiteri Lucas, artisti residenti u oħrajn mistiedna, it-tim tal-produzzjoni ħaseb ukoll biex ta’ kull ġimgħa jżid id-doża tad-divertiment b’numru ta’ sfidi li żgur se jqanqlu tbissima fuq fomm it-telespettaturi. Il-gossip mhux se jonqos u min jaf… forsi se nsiru nafu xi sigrieti tal-personalitajiet mistiedna li forsi ma konniex konxji tagħhom!

Se jirritorna wkoll, ikbar mis-snin ta’ qabel, The Entertainers Singing Challenge, il-kompetizzjoni tal-kant li bħas-sena l-oħra nfetħet għall-kantanti ta’ fuq it-18-il sena wkoll. Minn din il-kompetizzjoni fis-snin li għaddew ħarġu diversi kantanti li komplew jagħmlu isem.

Tissokta ukoll is-sezzjoni tal-moda ‘Fashion Time’, dejjem b’kollezzjonijiet ġodda u b’pariri siewja li jinżlu tajjeb mat-telespettaturi, partikolarment dawk femminli li jkunu qed isegwu l-programm. Tkompli wkoll is-sezzjoni interessanti tal-Cocktails mill-bravu James Aquilina.

The Entertainers illum il-ġurnata huwa stabbilit sew u huwa vetrina tat-talent lokali. Dan il-programm irnexxielu jimla l-vojt kbir ta’ varjetà televiżiva lokali kif imiss, bl-aħjar mod possibbli.

Għalhekk l-appuntament tagħkom, ta’ kull nhar ta’ Sibt bejn id-20.30 u l-23.00 għandu jkun fuq Net Television u l-varjetà ġdida ta’ The Entertainers fejn id-divertiment, ir-rebħ ta’ rigali u s-sorpriżi mhumiex se jonqsu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com