Titnieda L-‘Go Green Week’

 Titnieda L-‘Go Green Week’

Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar ħabbar kollaborazzjoni bejn il-Ministeru u l-Eden Leisure Group għaċ-ċelebrazzjoni ta’ ‘Go Green Week’, ġimgħa mimlija attivitajiet li qed tiġi mtella’ minn din il-kumpanija bejn il-15 u t-21 ta’ Settembru 2021, li matula se jkunu qed isiru numru ta’ inizjattivi ambjentali.

Il-Ministru Farrugia spjega li l-inizjattiva ta’ Go Green Week hija mfassla biex tħeġġeġ individwi u kumpaniji biex jimplimentaw aktar inizjattivi ekoloġiċi biex isostnu l-ambjent lokali bl-aħjar mod possibbli.

Dawn l-inizjattivi volontarji li qed jitħabbru llum taħt il-kappa tal-kampanja Saving our Blue, se jappoġġjaw din il-kampanja fit-tixrid ta’ tagħrif u l-monitoraġġ tal-progress tal-aġenda ambjentali.

Il-Ministru spjega kif l-industrija tal-films għandha l-abbiltà li tispira biljuni ta’ nies madwar id-dinja, u b’hekk din l-industrija hija importanti biex nindirizzaw sfidi ambjentali. Il-Ministru qal li l-Gvern se jkompli jagħti appoġġ lill-kumpaniji fis-settur privat li jieħdu dawn l-inizjattivi biex flimkien naħdmu favur it-tnaqqis ta’ impatti negattivi fuq l-ambjent tagħna u nimxu lejn is-sostenibbiltà f’kull qasam.

Din il-kollaborazzjoni mal-Eden tinkludi diversi inizjattivi: il-kumpanija se tkun qed turi numru ta’ films ambjentali mingħajr ħlas jew għal donazzjoni ta’ €1. Il-fondi li ser jkunu qegħdin jinġabru ser imorru lejn il-kontribuzzjoni tal-Eco Fund, li se jintuża għal inizjattivi ambjentali. Ser isiru wkoll numru ta’ clean-ups fuq bajjiet madwar Malta bħala parti mill-kollaborazzjoni tal-kampanja Saving our Blue, kif ukoll book drive fejn se jinġabru kotba li jiġu mogħtija lill-ħwienet tal-karità bil-għan li jiġi mħeġġeġ il-kunċett tar-riċiklar tal-kotba.

Fost attivitajiet oħra li huma parti minn dan l-ftehim ser ikunu qed jiġu mħeġġa attivitajiet għall-użu ta’ trasport alternattiv lejn il-post tax-xogħol mill-impjegati tal-Eden flimkien mal-użu ta’ remote working fejn l-impjegati jkollom ġurnata li jaħdmu mid-dar biex jikkontribwixxu lejn inqas karozzi fit-toroq.

Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni l-Ministeru qed ikompli jħeġġeġ lill-kumpaniji privati oħrajn biex jagħtu l-kontribuzzjoni tagħhom lejn inizjattivi favur l-ambjent u l-baħar ta’ madwarna, u biex il-bijodiversità lokali tibqa’ tiġi mħarsa u protetta.

“Madankollu, il-pubbliku huwa mħeġġeġ sabiex dawn l-inzjattivi li ssemmew jiġu applikati wkoll fil-ħajja ta’ kuljum, kif ukoll jkun hemm iktar responsabbiltà dwar kif għandu jiġi mormi l-iskart, partikolarment ġewwa żoni marittimi protetti. Dan tajjeb li jsir sabiex kull individwu jagħmel il-parti tiegħu biex jibża’ għall-ambjent ta’ Malta li fuqu jiddependu diversi ħlejjaq tal-art u tal-baħar, ekosistemi kif ukoll l-ekonomija,” qal il-Ministru Farrugia.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com