Uffiċċji Ġodda Mill-Kummissjoni Dwar Il-Vjolenza Abbażi Tal-Ġeneru U Vjolenza Domestika
Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici inawgura l-uffiċċji l-ġodda tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika f’Zentrum Business Centre, Triq l-Imdina, Ħal Qormi.
Il-Ministru Bonnici faħħar l-impenn tal-kummissjoni sabiex iżżid l-għarfien dwar il-kwistjonijiet tal-vjolenza sessista u domestika li jġibu tant sofferenza.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li, “Jeħtieġ li nkomplu nitfgħu dawl fuq din il-kwistjoni serja li ġiet trattata bħala taboo għal żmien twil wisq, u b’hekk il-vittmi u l-familji tagħhom kellhom ta’ spiss isofru fis-skiet mingħajr ebda tama ta’ ħajja aħjar. Huwa kruċjali li nxerrdu l-informazzjoni li l-għajnuna hija disponibbli u nħeġġu lill-vittmi biex jitkellmu u jitolbu l-għajnuna li jeħtieġu biex jiksru dan iċ-ċiklu vizzjuż”.
“Il-ftuħ tal-uffiċċji l-ġodda għall-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika huwa pass importanti lejn it-twettiq tal-għanijiet stabbiliti mill-Istrateġija Nazzjonali għall-Vjolenza Sessista u l-Vjolenza Domestika (2021-2022),” kompla l-Ministru Bonnici.
Waqt l-istess avveniment, il-ministru ppresieda l-iffirmar ta’ Memorandum ta’ Ftehim bejn il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika u l-Fakultà tal-Benesseri Soċjali fi ħdan l-Università ta’ Malta.
Il-Ministru Bonnici qal, “Il-ftehim li qed jiġi ffirmat illum huwa wieħed importanti ħafna għax se jsaħħaħ l-għarfien u s-sensibilizzazzjoni tagħna dwar l-effetti tal-vjolenza domestika fuq dawk li jesperjenzawha fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, speċjalment it-tfal. Aktar ma jkollna għarfien ibbażat fuq ir-riċerka, aktar se nkunu mgħammra aħjar biex niġġieldu din il-problema u ngħinu lil dawk li jispiċċaw vittmi”.
Il-Kummissarju għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri qalet li l-mantra tagħha tibqa’ ‘Silence is not golden’, u li nitkellmu dwar il-vjolenza b’mod strutturat u bbażat fuq l-evidenza se jinkoraġġixxi aktar individwi biex jiftħu qalbhom dwar is-sitwazzjoni tagħhom u jfittxu l-għajnuna, u dan huwa l-għan aħħari ta’ dawn il-kollaborazzjonijiet.
Dan il-ftehim jimmarka l-bidu ta’ kollaborazzjoni ġdida bejn dawn iż-żewġ entitajiet li huma impenjati ħafna li jikkontribwixxu għal proġetti ta’ riċerka kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll f’dak internazzjonali, sabiex mhux biss tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika f’Malta, iżda wkoll biex jinfurmaw aħjar lil dawk li jfasslu l-politika u lill-assoċjazzjonijiet professjonali dwar il-kwistjoni, speċjalment dwar l-effett li l-vjolenza domestika tħalli fuq it-tfal.
Agħmel kuntatt
Indirizz: Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestiku, Zentrum Business Centre, Triq l-Imdina, Qormi
Tel: +356 2327 9130
Email: [email protected]