18-il Soċjetà Mużikali Se Jgawdu Minn Proġetti Li Jagħmilhom Aktar Inklużivi
18-il soċjetà mużikali, 17 f’Malta u waħda f’Għawdex, se jkunu mgħejuna finanzjarjament sabiex iwettqu proġetti li fost oħrajn se jtejbu l-aċċessibilità kif ukoll iżidu l-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità. Dan se jsir b’riżultat ta’ skema li kienet tnediet f’Ġunju li għadda mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja b’investiment ta’ €100,000 li tfisser li kull soċjetà benefiċjarja tista’ tibbenefika sa massimu ta’ €10,000.
Il-proġetti proposti ivarjaw minn faċilitajiet għal aċċessibilità fiżika għal persuni b’diżabilità, bħalma huma l-liftijiet, inkluż liftijiet tat-turġien, għall-installazzjonijiet ta’ dawl speċjalizzat biex il-faċilità tkun tista’ tintuża minn persuni bl-awtiżmu/ADHD, għamara f’kamra multisensorjali, kif ukoll faċilità għat-traduzzjoni ta’ lirika mużikali permezz tal-braille għal persuni neqsin mid-dawl. Proposta oħra hija għall-organizzazzjoni ta’ kunċert bis-sehem ta’ persuni b’diżabilità.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li, “Permezz ta’ din l-iskema se nkomplu nħaddmu fil-prattika d-determinazzjoni tagħna favur l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità. Din l-iskema hija parti minn numru ta’ inizjattivi li bħala ministeru qegħdin nieħdu sabiex inkomplu insaħħu l-aċċessibilità għal persuni b’diżabilità. Apparti hekk b’din l-iskema qegħdin ukoll nuru apprezzament lis-sens ta’ volontarjat li hemm fit-tmexxija ta’ dawn is-soċjetajiet mużikali għax ċertament li ma kienx għal dan il-volontarjat ma jkunx faċli għalihom li jimxu. Tali apprezzament huwa xieraq meta tikkunsidra l-kontribut kbir li jagħtu għall-iżvilupp kulturali ta’ pajjiżna partikolarment bit-tagħlim tal-mużika b’xejn lil tfal u żgħażagħ u l-organizzar tal-festi tradizzjonali fl-ibliet u rħula tagħna.”
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Matthew Vella sostna li permezz ta’ din l-iskema qed inkomplu naraw l-implimentazzjoni fil-prattika u b’mod ħaj tal-Istrateġija Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità. Dan speċjalment meta wieħed jikkunsidra kemm is-soċjetajiet mużikali huma fil-qofol tal-ħajja soċjali fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin. Għaldaqstant, permezz ta’ dawn il-fondi, is-soċjetajiet mużikali se jkomplu jtejbu l-faċilitajiet rispettivi tagħhom sabiex b’mod konkret avvenimenti kulturali u postijiet tad-divertiment ikunu iktar aċċessibbli u inklużivi.
Ritratt: DOI