362 Charging Point Pubbliku Għal Sidien Ta’ Karozzi Elettriċi Sal-Aħħar Tas-Sena
Bl-użu tal-mobile app ‘Charge My Ride’, sidien ta’ karozzi elettriċi se jkollhom aċċess għal aktar charging points b’tariffi li huma fost l-orħos fl-Ewropa.
Sal-aħħar ta’ din is-sena, sewwieqa ta’ vetturi elettriċi se jkollhom aċċess għal total ta’ 362 charging point f’postijiet pubbliċi madwar Malta u Għawdex. Biex ikun iffaċilitat l-aċċess għaċ-charging pillars, ġew żviluppati website u mobile app biex il-pubbliku jista’ jinqeda b’mod aktar effiċjenti.
Il-mobile app ‘Charge My Ride’ tista’ titniżżel mill-Playstore u l-Appstore, filwaqt li s-sit www.chargemyride.mt joffri aktar informazzjoni dwar l-użu taċ-charging pillars, il-post ta’ fejn qed jiġu lokalizzati ċ-charging pillars u t-tariffi applikabbli.
Is-sistema adottata hija waħda moderna u interoperabbli, biex b’hekk ġie adottat l-Open Charge Point protocol. Dan ifisser li pilastri differenti jkunu magħquda biex ix-xufiera ma jkunux marbuta ma’ operatur wieħed biss fl-użu taċ-charging pillars. Il-56 charging pillar li kienu qed jagħmlu użu minnhom is-sewwieqa sa issa se jkunu qed jiġu aġġornati għal din is-sistema wkoll.
Il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet indirizzata mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.
“B’dan l-investiment ta’ €3 miljun, qed noffru lis-sewwieqa 130 charging pillar ġdid, li waħedhom ifissru 260 charging point, b’software avvanzat u sistema interoperable. Sal-aħħar tas-sena se jkollna 362 charging point. Qed inkunu innovattivi fl-ippjanar tagħna biex anke turisti li jżuru l-gżejjer tagħna jkollhom aċċess biex jiċċarġjaw il-vettura tagħhom,” ħabbret il-Ministru Miriam Dalli.
Fost il-130 charging pillar ġdid, se jkun hemm disponibbli 22 fast charger – li bih batterija tiċċarġja f’inqas minn tliet kwarti – u 108 medium charger.
Il-Ministru Dalli spjegat kif, meta mqabbel ma’ karozza petrol jew diesel, is-sewwieqa se jiffrankaw. Persuna li ssuq medja ta’ 50 kilometru kuljum tonfoq mat-€30 fil-ġimgħa fi fjuwil. B’vettura elettrika, l-istess ammont ta’ vjaġġar jiġi jiswa madwar €13 fil-ġimgħa, jiġifieri anqas minn nofs.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg qal, “Huwa kruċjali li nkomplu naħdmu biex nilħqu l-miri tagħna ta’ dikarbonizzazzjoni u l-gvern, anke permezz tal-miżuri tal-budget ta’ din is-sena, reġa’ wera għal darb’oħra l-impenn u l-viżjoni ambjentali tiegħu. Rajna li nkomplu nerfgħu mill-piż tan-nies u ngħinuhom anke finanzjarjament permezz ta’ żieda fi grants, apparti li se nkunu qed nagħtu trasport pubbliku b’xejn lil kulħadd.”
“Il-gvern huwa favur il-mixja lejn l-elettrifikazzjoni tal-vetturi u għalhekk, b’investiment ta’ €40 miljun minn fondi Ewropej, sal-2030 se nelettrifikaw il-flotta tat-trasport pubbliku kollha. Apparti hekk, ġie ffirmat ftehim biex il-flotta ta’ 870 vettura tal-gvern jinqalbu għall-elettriku wkoll. L-installazzjoni ta’ dawn iċ-charging pillars se jkun pass eqreb li anke jmur id f’id mal-Low Carbon Strategy, pjan ta’ żvilupp fejn min-naħa tagħna bħala Ministeru għat-Trasport se nkunu qed nimplimentaw miżuri sabiex inkomplu nersqu lejn il-viżjoni tagħna ta’ dikarbonizzazzjoni. Huwa permezz ta’ dawn il-kollaborazzjonijiet u ħidma li se nkunu qed nilħqu t-targets meħtieġa.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif dan il-proġett, min-nefqa totali ta’ madwar €3 miljun, madwar €1 miljun minnhom ġejjin minn fondi Ewropej.
Dr Zrinzo Azzopardi fakkar li, bħala parti mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza, l-Unjoni Ewropea aċċellerat it-tnedija tal-mobbiltà elettrika billi pproponiet miri aktar ambizzjużi. Aktar żviluppi infrastrutturali bħal dawn huma mistennija li jsiru permezz ta’ fondi Ewropej għas-seba’ snin li ġejjin.
Il-Ministri u s-Segretarju Parlamentari kienu qed jindirizzaw il-konferenza tal-aħbarijiet minn ġewwa t-Trelleborg. Il-Ministru Dalli spjegat kif din it-tranżizzjoni għad-dekarbonizzazzjoni toħloq l-opportunità ta’ investiment ġdid u toffri opportunitajiet ta’ xogħol fil-qasam tal-manifattura. Fil-fatt, it-Trelleborg hija waħda mill-kumpaniji f’pajjiżna li timmanifattura components għal vetturi elettriċi.
Lista informattiva dwar it-tariffi:
Standard E-Drive waqt off-peak: €0.1698c/unit
Standard E-Drive waqt on-peak: €0.1885c/unit
Fast E-Drive waqt off-peak: €0.1798c/unit
Fast E-Drive waqt on-peak: €0.1985c/unit
Il-ħinjiet off-peak japplikaw minn 00:00 sa 05:59am u mill-12:00 sa 15:59, u l-Ħadd il-ġurnata kollha (00:00 u 23:59).
Ritratt prinċipali: yellow.com.mt
Ritratt fl-artiklu: DOI