49 Ħaddiem Tal-Malta Drydocks Jieħdu Kumpens Wara Li Sofrew Mill-Kundizzjoni Tal-Asbestosis

 49 Ħaddiem Tal-Malta Drydocks Jieħdu Kumpens Wara Li Sofrew Mill-Kundizzjoni Tal-Asbestosis

49 eks ħaddiem tat-Tarzna kienu fost l-ewwel li ngħataw ċekkijiet ta’ kumpens wara li sofrew mill-kundizzjoni tal-Asbestosis. Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministri Michael Falzon u Clyde Caruana. Fost dawk preżenti, kien hemm uħud mill-eks ħaddiema tal-Malta Drydocks u l-familjari tagħhom.

Il-Ministru Clyde Caruana qal, “Dan il-gvern dejjem kien, għadu u se jibqa’ viċin il-ħaddiem. Il-gvern huwa konxju li l-ħsara li saret fuq saħħet dawn il-ħaddiema ma tistax tiġi rranġata iżda l-gvern qed jirrikonoxxi dak li ġara fl-imgħoddi u l-inqas ħaġa li jista’ jagħmel huwa li jagħti kumpens finanzjarju”. Spjega li l-ammonti li ngħataw ivarjaw bejn €5,800 u €16,600, bl-ogħla ammonti jingħataw lil dawk li l-iktar ġew affettwati ħażin minn din il-kundizzjoni.

Il-Ministru Caruana qal li matul l-aħħar xhur, il-ministeru ħatar 4 tobba mediċi li evalwaw fid-dettall kull każ sabiex fl-ammonti li jingħataw tkun qed issir ġustizzja. Spjega li dan il-kumpens ingħata fuq tliet kriterji: is-severità tad-diżabilità li nħolqot, l-ammont ta’ snin ta’ kemm wieħed dam marid kif ukoll l-età meta l-persuna mietet f’dawk il-każi li l-kumpens se jingħata lill-werrieta.

Il-Ministru qal li mit-300 applikazzjoni li ġew sottomessi, 200 minnhom huma ta’ persuni li m’għadhomx magħna. F’dan il-każ, il-proċess se jistabbilixxi min huma l-werrieta ta’ dawn l-eks ħaddiema biex jieħdu r-rikonoxximent ta’ missirijiethom. Il-Ministru kkonkluda li għad hemm persuni li sa issa għadhom m’applikawx u għaldaqstant l-applikazzjonijiet se jerġgħu jinfetħu f’Novembru li ġej.

“L-okkażjoni tal-lum ma kinitx waħda ta’ ċelebrazzjoni imma aktar ta’ rikonoxximent. Bħala gvern qed nirikonoxxu dak li sofrew u li għadhom għaddejjin minnu eks ħaddiema tat-Tarzna u l-familjari tagħhom. Minkejja li dak iż-żmien ħadd ma kien jaf bl-effetti tal-asbestos, xorta waħda deherilna li għandna nwettqu ġustizzja ma’ dawn il-familji. Għalhekk, gvern Laburista huwa l-gvern tal-ġustizzja soċjali, il-gvern tar-ruħ soċjali”, ikkonkluda l-Ministru Falzon.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com