90% Tar-Rakkomandazzjonijiet Tal-NAO Implimentati Mis-Servizz Pubbliku
90% tar-rakkomandazzjonijiet kollha li għamel l-Awditur Ġenerali ġew implimentati mis-Servizz Pubbliku. Dan jimmarka titjib fuq ir-rati ta’ implimentazzjoni fuq is-sena li għaddiet (81%) u sentejn ilu (78%). Din ir-rata ta’ implimentazzjoni ġiet ikkonfermata minn eżerċizzju ppubblikat li għamel l-istess Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika.
Dan tħabbar mill-Kap tas-Servizz Pubbliku Mario Cutajar waqt it-tnedija tal-pubblikazzjoni ‘Governance Action’ li tkopri r-risposta tal-amministrazzjoni pubblika għar-Rapport Annwali dwar il-Kontijiet Pubbliċi 2019 u ta’ ħdax-il rapport ieħor li l-NAO ħareġ fl-2020.
Is-Sur Cutajar spjega li minn 331 rakkomandazzjoni tal-NAO, intlaqgħu 319 rakkomandazzjoni. Dawn wasslu għal 714 azzjoni biex jiġu indirizzati, li minnhom ġew implimentati 90%, iġifieri 643 rakkomandazzjoni. Fost l-oħrajn, ir-rakkomandazzjonijiet kienu jittrattaw proċeduri ta’ procurement, ġestjoni tal-inventarju u kontrolli interni fl-amministrazzjoni ġenerali u ta’ fondi pubbliċi.
Fil-pubblikazzjoni mnedija llum, li hi s-sitt edizzjoni, jingħata wkoll rendikont tal-istadju tal-azzjonijiet li kienu rrappurtati bħala pendenti fil-pubblikazzjoni preċedenti.
“Fil-passat, l-Awditur Ġenerali kien jilmenta li jsib l-istess nuqqasijiet sena wara sena għax l-amministrazzjoni ma tkunx tat widen għal li jkun irrapporta. Illum, l-Awditur jirrikonoxxi x-xogħol imwettaq mill-amministrazzjoni pubblika – fil-fatt, qed jaqbel perfettament mal-persentaġġi tal-implimentazzjoni hekk kif irrappurtati minnha, li tkompli tagħti kredibbiltà lil dan l-eżerċizzju”, qal is-Sur Cutajar.
Il-Kap tas-Servizz Pubbliku qal li din il-pubblikazzjoni tixhed kemm il-kontabilità qed titħaddem fil-prattika, bi strutturi li s-Servizz Pubbliku daħħal fl-aħħar snin li ġabu permanenza fil-mod ta’ kif tiġi ppjanata u mwettqa l-ħidma. Is-Sur Cutajar ikkonkluda li l-kontabilità se tissaħħaħ aktar bl-istrateġija l-ġdida, li għandha l-kontabilità bħala prinċipju ewlieni flimkien mal-kwalità u mas-sostenibbiltà.
Wara t-tnedija tal-pubblikazzjoni, is-Segretarju Permanenti Ewlieni ppreżenta kopja tal-pubblikazzjoni lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia u lill-Awditur Ġenerali Charles Deguara.
Il-pubblikazzjoni ‘Governance Action on NAO’s Annual Report on Public Accounts 2019 & other NAO reports 2020’ tinsab fuq is-sit tas-Servizz Pubbliku,: