Adottata Mill-Gvern L-Istrateġija Tal-Iskart Tal-Kostruzzjoni U T-Twaqqigħ Għal Malta (2021-2030)

 Adottata Mill-Gvern L-Istrateġija Tal-Iskart Tal-Kostruzzjoni U T-Twaqqigħ Għal Malta (2021-2030)

Wara proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, l-Istrateġija tal-Iskart tal-Kostruzzjoni u t-Twaqqigħ għal Malta (2021-2030) qed tiġi adottata mill-Gvern.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia flimkien mad-Deputat Direttur tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) Kevin Mercieca.

L-iskart tal-kostruzzjoni u t-twaqqigħ (C&D) huwa l-akbar skart fl-UE li jirrappreżenta madwar terz tal-iskart kollu ġġenerat. Minħabba dan, l-UE rrikonoxxiet il-ħtieġa għal titjib fil-kwalità tar-riċiklaġġ u l-irkupru ta’ dan l-influss ta’ skart u żiedet id-domanda għall-materja prima u sekondarja.

Il-Ministru qal li din l-istrateġija tfasslet mill-ERA b’kollaborazzjoni mal-Ministeru biex tindirizza dan l-influss ta’ skart, biex pajjiżna jkompli miexi lejn ekonomija aktar ċirkolari.

L-istrateġija tidentifika erba’ oqsma li huma kruċjali għall-immaniġġjar tal-iskart tal-kostruzzjoni u t-twaqqigħ:

  • Ippjanar u disinn: Mira lejn l-industrija tal-kostruzzjoni b’miżuri speċifiċi li għandhom l-għan li jindirizzaw il-problema fis-sors permezz ta’ twaqqigħ u bini sostenibbli;
  • Immaniġġjar tal-iskart: Jelenka miżuri speċifiċi biex itejbu il-loġistika tal-iskart kemm fis-sit tal-iżvilupp kif ukoll barra mis-sit;
  • Immaniġġjar tal-Kwalità: Tiffoka fuq miżuri biex tiżdied il-fidjuċja fil-prattiċi tal-immaniġġjar tal-iskart tal-C&D kif ukoll it-titjib tal-kwalità tal-materjali riċiklati tal-C&D;
  • Qafas politiku u regolatorju: Jittratta t-titjib fil-politika u l-kundizzjonijiet biex tinkiser ir-rabta bejn l-iżvilupp u l-ġenerazzjoni tal-iskart.

L-istrateġija se tikkonsisti f’numru ta’ miżuri ewlenin li se jitwettqu matul is-snin.

Il-miżuri jinkludu:

  • Twaqqif ta’ standards għall-industrija tal-kostruzzjoni
  • Introduzzjoni ta’ qafas regolatorju ġdid li jindirizza l-immaniġġjar ta’ skart C&D
  • Titjib fil-klassifikazzjoni u separazzjoni tal-iskart mis-sors
  • Esplorazzjoni fir-rigward tat-twaqqif ta’ depożiti ta’ rkupru u ħażna ta’ riżorsi biex tippromwovi infrastruttura ta’ riċiklaġġ
  • Esplorazzjoni u identifikazzjoni ta’ mekkaniżmi biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-prinċipju li min iniġġes iħallas (PPP)
  • Miri ta’ użu mill-ġdid u riċiklaġġ
  • Infurzar ta’ rkupru permezz tar-restawr ta’ spazji vojta

“Bħala Gvern qed nappellaw lill-awtoritajiet kompetenti, u lill-partijiet interessati u rilevanti fl-industrija biex jimpenjaw ruħhom għall-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija. Il-parteċipazzjoni tagħkom hija essenzjali għall-implimentazzjoni tagħha kif ukoll għall-viżjoni tagħna lejn tranżizzjoni ekoloġika u ekonomija ċirkolari,” qal il-Ministru Farrugia.​

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com