Anthony Delia Jkompli Jispjega L-Pjan Ta’ Riġenerazzjoni Għal San Pawl Il-Baħar
Il-Kunsillier indipendenti Anthony Delia kompla jispjega l-pjan li fassal flimkien mar-residenti dwar tibdil u riġenerazzjoni għal San Pawl il-Baħar.
Tenna li nvolva lill-pubbliku nnifsu biex jifhem aħjar xi jdejqu u x’jixtieq f’din il-lokalità. Semma kif il-politiċi għandu jkollhom nies li jippjanaw u mbagħad dan jitwettaq mill-esperti fis-settur.
Saħaq kif hemm bżonn li nifhmu aħjar kemm San Pawl il-Baħar huwa kkulurit b’diversi nazzjonijiet u għalhekk, dejjem hemm il-bżonn ta’ kampanji edukattivi biex dak li jkun jifhem aħjar biex dak li jkun jifhem aħjar il-lokalità u jkollu sens ta’ ‘ownership’.
Bla dubju, ir-riżorsi dejjem huma limitati biex isiru l-proġetti, speċjalment mill-aspett ta’ kunsill u għalhekk, irid ikun hemm enfasi aktar mill-Gvern biex jitwettaq pjan li jkun aktar possibbli li jkun attwat.
Staqsa: “Xi prodott qed noffru lit-turist?” Semma kif darba ssemma wkoll li f’San Pawl il-Baħar jista’ jkun hemm possibbilità li jieqfu l-cruise liners fejn jaqbel magħha perfettament iżda qal li hemm bżonn li titjieb l-infrastruttura tal-lokal. Spjega kif irid isir ħsieb ta’ tibdil u addattament anke fir-rigward ta’ parkeġġ fejn semma kif hemm ukoll imkejjen fejn dan jista’ jsir possibbli permezz tas-sistema PPP. (Private Public Partnership)
Problema oħra hija l-iskart fejn mhux kulħadd jifhem il-ħtieġa ta’ edukazzjoni u dmir. Hawnhekk reġa’ saħaq fuq in-nazzjonijiet differenti fejn hawn tidħol ukoll il-kultura.
Għamel aċċenn ukoll għall-titjieb fil-bankini fejn wasal iż-żmien li jsir ‘upgrade’ anke minħabba servizzi ġodda li saru utli llum il-ġurnata.
Dan apparti s-siti storiċi, il-promozzjoni tal-lokal, u li kulħadd jaħdem id f’id biex San Pawl il-Baħar jieħu dak li verament jixraqlu.