Applikazzjoni Diġitali Biex L-Anzjani Jingħataw Ċans Isemmgħu Leħinhom

 Applikazzjoni Diġitali Biex L-Anzjani Jingħataw Ċans Isemmgħu Leħinhom

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia nieda applikazzjoni diġitali li permezz tagħha anzjani u qraba tagħhom jistgħu b’mod dirett u privat iwasslu l-ilmenti u s-suġġerimenti tagħhom lill-Awtorità Standards Ħarsien Soċjali.

Waqt it-tnedija ta’ din l-applikazzjoni, il-Ministru Farrugia ħabbar li bħalissa ma hemm ebda resident fid-djar tal-anzjani tal-gvern, tal-privat u tal-Knisja kif ukoll f’San Vinċenz de Paul, li huma pożittivi għall-Covid 19.

Il-Ministru Farrugia qal li din il-web-app qed tinħoloq proprju ftit tal-jiem wara l-Jum Internazzjonali għall-Anzjani, li din is-sena kienet iffokata dwar l-involviment tal-anzjani fid-dinja diġitali.

“Matul din il-pandemija, rajna kemm it-teknoloġija kienet strumentali, l-aktar f’mumenti meta l-anzjani kellhom izommu ’l bogħod mill-qraba tagħhom u setgħu jikkomunikaw magħhom biss permezz tat-teknoloġija,” qal il-Ministru.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li dawn l-opportunitajiet għandhom ikomplu jiġu sfruttati biex l-anzjani ikomplu jersqu lejn it-teknoloġija.

Il-web-app, li hija mezz faċli u sigur, tista’ tiġi aċċessata minn https://feedbackscsa.gov.mt/

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com