Ara B’Mod Sempliċi L-Viżjoni U L-Proposti Kollha Tal-PN
Ilbieraħ filgħaxija fil-Parlament sar id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech dwar il-Budget li ġie mħabbar mill-Gvern il-ġimgħa l-oħra. F’diskors ta’ sagħtejn il-Kap tal-PN beda billi qal li kull persuna għanda valur li jiġi qabel il-flus u l-qliegħ, “il-valur tal-bniedem li għandu jiggwida kull deċiżjoni tagħna.”
Bernard Grech tkellem dwar il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għal Malta la darba jkun fdat mill-poplu biex imexxi l-pajjiż. Din il-viżjoni hija maqsuma fi tliet pilastri, bl-ewwel wieħed jkun li kulħadd għandu jkollu iktar ħin għalih mal-familja. “Magħna ser taħdem kemm trid u taqla aktar ukoll, imma rrid ukoll li inti ma tkunx kostrett bilfors taħdem kull sekonda bla nifs biex sempliċiment tlaħħaq mal-ħajja bażika,” saħaq Bernard Grech.
It-tieni pilastru li semma Dr. Grech huwa li kulħadd għandu jgħix f’ambjent isbaħ, “mhux f’pajjiż fgat u mifni traffiku u bini bla pjan u mingħajr spazji ħodor miftuħa.”
Il-Kap tal-Oppożizzjoni fid-diskors tiegħu tkellem dwar it-tielet pilastru tal-viżjoni tal-PN li huwa li pajjiżna għandu jgħinek tirnexxi f’kull ambizzjoni tiegħek, “Malta trid tkun il-pajjiż fejn il-Gvern jagħmel kollox biex jgħinek tirnexxi fil-ħolma tiegħek.”
Il-Partit Nazzjonalista huwa l-partit li jemmen fik, fil-ħiliet tiegħek – u għalhekk se jibqa’ jinvesti fik. Kien għalhekk li fid-diskors tiegħu fil-Parlament il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ppreżenta numru ta’ proposti.
Dawn huma l-proposti b’mod aktar sempliċi li qed jipproponi l-PN:
- Żieda ta’ 25% fl-istpendji tal-professjonijiet l-aktar meħtieġa – fosthom infermiera u għalliema.
- Żieda sostanzjali fil-pagi tal-għalliema.
- €500 voucher għas-safar liż-zgħazagħ.
- Karozzi tal-linja kollha jaħdmu bl-elettriku sal-2025.
- Fond ta’ garanzija biex tixtri l-ewwel dar.
- Eżenzjoni sħiħa mill-VAT sa €10,000 fuq spejjeż ta’ finishing ta’ djar.
- Żewġ vapuri ġodda – wieħed minnhom għall-merkanzija.
- Sptar ġdid ta’ 400 sodda f’Għawdex.
- Aktar ġonna u spazji miftuħa viċin darek.
- Nipproteġu artijiet ODZ biż-żewġ terzi tal-Parlament.
- Investiment organiku fil-ħiliet tal-Maltin u l-Għawdxin.
- Unit speċjalizzat għal riċerka tad-due diligence għal nutara, accountants u professjonisti oħrajn.
- Riforma tal-qbiela mal-Gvern.
- €14-il miljun f’bonuses lill-frontliners.
- Inqas burokrazija – min jaqla’ sa €60,000 ikun VAT exempt.
- 8 ġimgħat parental leave bi ħlas.
- Nestendu t-tax bracket tal-25% minn €60,000 għal 80,000.
- VAT ta’ 7% għall-bejgħ kollu fir-ristoranti u servizzi oħra tal-lukandi.
- Ngħinu lill-anzjani – t-tabib tiegħek b’xejn f’darek.
- Investimenti f’setturi ta’ riċerka u innovazzjoni tax free sal-ewwel €1 miljun.
- Lump sum għal karozzi elettriċi second-hand.
- Naqtgħu l-kuntratti tal-Electrogas.
- Nirrevedu immedjatament il-kuntratti ta’ Vitals u Stew.