“Art Biex Isir Inċineratur Fin-Naxxar Sibna…Iżda Art Għall-Grawnd Tal-Futbol Ma Sibniex F’9 Snin” – Ivan Castillo
“Fejn irridu nsibu art,” hekk fetaħ il-messaġġ li kiteb il-kandidat tal-PN Ivan Castillo fuq il-mezzi soċjali dwar is-sitwazzjoni fin-Naxxar fejn fuq naħa semma l-inċineratur li hemm propost li jinbena fuq art agrikola u ODZ, u fuq in-naħa l-oħra Castillo jsemmi l-problema persistenti li s’issa għada ma ġietx solvuta, dik tal-grawnd tal-futbol.
Ivan Castillo kiteb li għalkemm hu jinsab kompletament kontra l-installazzjoni tal-inċineratur li se jieħu art agrikola u ODZ, “nafu li l-Gvern baqa’ jwebbes rasu li Inċineratur ta’ €50 miljun jiġi installat fin-Naxxar jew fil-limiti tiegħu.”
Huwa saħaq li “jekk dan iseħħ, għandu jitħallas għall-inkonvenjenza kkawżata lir-residenti bħal, ngħidu aħna, investiment f’faċilitajiet sportivi u NGO’s oħra biex jikkumpensaw għall-inkonvenjenza kkawżata lir-residenti.”
“Min-naħa l-oħra, il-Football Club Naxxar Lions għad m’għandhom l-ebda art għal kumpless sportiv,” tenna Castillo filwaqt li kompla jgħid li “għandhom biss ittra ta’ intenzjoni li bażikament hija t-tama li forsi xi darba dan jista’ jsir realtà.”
Huwa sostna li “dan il-klabb jistħoqqlu l-faċilità tiegħu stess, mod kif jistgħu jiġġeneraw finanzi u bħal klabbs oħra jkunu indipendenti aktar milli dipendenti fuq ħaddieħor biex jiffunzjonaw. X’differenza minn tant klabbs oħra li kellhom il-kumplessi tagħhom mibnija għalihom! In-Naxxar ilhom is-snin jistennew!”
Ivan Castillo ta eżempju kif il-Freeport jgħin lil B’Buġia, it-Tarzna jgħin lill-Kottonera, l-impjant tar-riċiklaġġ jgħin lil M, Scala. “Dawn kollha jirċievu kumpens għall-inkonvenjenza. Dan il-klabb ma jistax jiffunzjona u qed jiġi diskriminat minħabba li ma jistax jikkompeti fuq l-istess livell ta’ klabbs oħra,” tenna Castillo.
Huwa temm jgħid li “art biex isir inċineratur fin-Naxxar sibna u anke art ODZ ħadna għalih, iżda art għall-grawnd tal-futbol ma sibniex f’9 snin!”