“Baġit Għal-Lum Biss” – Il-Partit Nazzjonalista
“Il-Gvern lbieraħ għoġbu jippreżenta baġit għal-lum biss fejn wegħdna ħafna affarjiet iżda mingħajr pjan tanġibbli, pjan realistiku u sostenibbli ta’ kif se jiffinanzja l-proposti tiegħu.”
Saħqu dan f’konferenza tal-aħbarijiet il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ekonomija Kristy Debono u l-kandidati għall-elezzjoni ġenerali Noel Muscat u Jerome Caruana Cilia.
Il-Pn qal li għal darb’oħra għandna baġit fl-arja mingħajr l-ebda strateġija, mingħajr ebda direzzjoni b’viżjoni ta’ kif se jmexxi lill-ekonomija ta’ pajjiżna u mingħajr proposta waħda ta’ settur ekonomiku wieħed.
“Huwa baġit fejn il-Ministru tal-Finanzi bbaża d-dħul tal-pajjiż fuq il-ġlieda man-negozji ż-żgħar biex jiġbor l-arretrati tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, imbagħad evada għal kollox il-fatt li l-pajjiż jinsab fuq il-lista l-griża. U dan żgur mhux tort tan-negozji tagħna. Huwa każ ta’ li jiżbalja l-kbir u jħallas iż-żgħir.
Is-salib tan-nefqa bla rażan ta’ dan il-Gvern qed jintefa’ fuq in-negozjant, li qegħdin inpoġġu piż sfrenat fuq proċeduri amministrattivi u witch hunt, freezing orders fuqhom, li finalment dan jispiċċa jħallas għalih il-konsumatur, b’żieda fil-prezzijiet. Is-salib tal-grey listing qiegħed jaqsmu il-poplu, qegħdin nikkastigaw iż-żgħir u nippremjaw il-kriminal.”
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista saħaq li kien baġit li falla minn proposti konkreti ta’ kif se jiġġenera d-dħul għall-pajjiż, ta’ x’se jkunu l-investimenti ewlenin li jrendu u joħolqu impjiegi tajbin ta’ kwalitá.
Kompla jgħid, li dan hu baġit li bih uliedna jridu jħallsu d-dejn ta’ Gvern kapriċċuz li ma ppjanax u ta’ Gvern li kien dgħajjef ma’ min seraq l-futur ta’ uliedna meta daħħalna fil-grey listing u kisser ir-reputazzjoni ta’ pajjizna.
“Il-Gvern diġà falla bil-kbir din is-sena fil-miri finanzjarji tiegħu. Għas-sena d-dieħla reġa’ qed jipproġetta l-istess defiċit li kien wiegħed għal din is-sena. Din is-sena l-Gvern qed jammetti li d-defiċit se jkun id-doppju ta’ dak li bassar.
Dan mhux il-pajjiż li qed jaspira għalih il-Partit Nazzjonalista, mhux il-pajjiż li jrid il-poplu Malti ta’ kif l-ekonomija tkompli tirkupra mill-pandemija u sostenn biex l-ekonomija tkompli tikber, ta’ kif se ninċentivaw industriji bħal m’huma t-turiżmu, l-importanza fuq l-ħaddiem u l-ħiliet tiegħu, l-aqwa riżorsa li għandu l-pajjiz, ta’ kif se nindirizzaw l-ispejjeż marbutin mal-loġistika u t-trasport li jpoġġuna fi żvantaġġ bħala pajjiż.”
“Gvern Nazzjonalista jkun garanzija ta’ pajjiż b’saħħtu biex Flimkien ikollna poplu b’saħħtu.’ Hekk temmet tgħid l-istqarrija mill-Partit Nazzjonalista.